“Obbligati nagħtu l-aqwa edukazzjoni possibbli”

Ħidma biex l-iskejjel jiftħu normali f’Settembru b’miżuri ta’ prekawzjoni biex ikun evitat it-tixrid tal-Covid-19

Minn CARMEN CACHIA

Il-Gvern ħabbar li l-mira tiegħu hija li l-istituzzjonijiet edukattivi jerġgħu jiftħu f’Settembru li ġej bil-għan li l-istudenti jieħdu l-benefiċċji kollha li dawn joffru. Iż-żieda fil-każijiet tal-Coronavirus f’dawn l-aħħar ġimgħat reġgħu ġabu sitwazzjoni inċerta fil-pajjiż u għalhekk għadu kmieni wisq biex inkunu nafu sew meta u kif it-tfal se jirritornaw lura l-iskola. L-ORIZZONT tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici u filwaqt li assigura li se jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal saħħet l-istudenti fil-ftuħ tal-iskejjel, huwa saħaq fl-importanza tal-aqwa edukazzjoni possibbli fil-klassi.

“L-edukazzjoni hija dritt kruċjali tal-istudenti tagħna u aħna għandna obbligu li nagħtuhom l-aqwa edukazzjoni possibbli. L-aqwa edukazzjoni possibbli tfisser edukazzjoni fil-klassi,” spjega l-Ministru Bonnici. Huwa qal li qegħdin jaħdmu biex fit-28 ta’ Settembru li ġej l-iskejjel jerġgħu jiftħu b’mod normali u dan suġġett għal miżuri prekawzjonali li għandhom jittieħdu, bħalma ttieħdu diġà f’istituzzjonijiet oħra biex nevitaw it-tixrid tal-Covid-19.

Bonnici qal li l-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-fatt bħalissa jinsab għaddej f’ħidma kontinwa u b’laqgħat ta’ konsultazzjoni, inkluż mal-Malta Union of Teachers (MUT) u l-istakeholders kollha, dwar kif se jsir il-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru 2020. 

Huwa temm jgħid li, “naturalment aħna qegħdin nippreparaw ruħna għal kull tip ta’ xenarju, imma l-mira ewlenija hija li l-edukazzjoni ta’ wliedna tissokta b’mod normali kemm jista’ jkun fit-28 ta’ Settembru li ġej”.

MUT: Il-ftuħ tal-iskejjel fis-sitwazzjoni inċerta kkawżata mill-Covid-19

L-MUT ikkonfermat li l-edukaturi f’pajjiżna x-xahar li għadda rċevew linji gwida dwar it-tliet xenarji possibbli għall-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida f’Settembru li ġej. 

Skont id-dokumenti tal-Gvern, it-tliet xenarji possibbli skont bdil fil-kurrikulu tal-istudenti għall-ftuħ tal-iskejjel huwa: li l-iskejjel jiftħu b’mod gradwali b’miżuri ta’ prekawzjoni; jew normali; jew inkella jiftħu f’Jannar tal-2021 jew aktar tard.

L-MUT qalet li t-tliet xenarji huma mmirati b’mod speċifiku għall-bidliet fis-sillabi matul is-sena skolastika li ġejja. Il-President ta’ din il-unjin tal-edukaturi, Marco Bonnici, rigward dan qal li, “għaddejjin ukoll b’diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-ftuħ tal-iskejjel, iżda s-sitwazzjoni għadha inċerta ħafna”.

Il-ġenituri jħarsu l-interessi ta’ wliedhom…

Sadanittant waqt laqgħa li saret bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel Statali (MAPSSS) u s-Segretarju Permanenti, Frank Fabri, ir-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni kienu infurmati bil-preparamenti li qegħdin isiru għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. 

Fost dawn il-preparamenti, li għadhom għaddejjin ukoll bħalissa, il-MAPSSS qalet li qegħdin jiġi diskuss protokoll bil-għan li jkun hemm l-inqas riskju possibbli għat-tixrid tal-virus fl-iskejjel. Fost dawn sar eżerċizzju li fih ġew imkejla l-klassijiet biex jiċċekkjaw kemm jistgħu jinżammu studenti konformi mad-distanza soċjali mitluba fil-linji gwida mill-awtoritajiet tas-saħħa. 

Din l-Assoċjazzjoni qalet li qiegħed ukoll ikun diskuss protokoll ta’ sigurtà fejn jidħol it-trasport lejn u lura mill-iskejjel, kif ukoll li se jkun hemm tibdil fis-sillabi għall-istudenti tal-Kinder, tal-Primarja u anke dawk tas-Sekondarja. 

Il-MAPSSS issuġġeriet ukoll li l-MEDE għandhom jikkunsidraw li jsiru lezzjonijiet ta’ reviżjoni għall-istudenti li waqgħu lura tul il-perjodu li kienu magħluqa l-iskejjel u li għandu jsir tibdil dwar ix-xogħol li jingħata lill-istudenti biex jaħdmu d-dar, dak li ħafna jafuh bħala l-HW.

Share With: