“Pass importanti fil-Libja” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota pożittivament d-dikjarazzjonijiet li saru lbieraħ fil-pajjiż ġar tagħna l-Libja. Il-qbil li ġie reġistrat bejn Fayez al-Sarraj għan-naħa tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali ta’ Tripli u ta’ Agila Saleh l-President tal-Parlament f’Tobruk huwa deċiżament pass importanti ‘l quddiem. Wieħed li qiegħed jiġi reġistrat wara snin ta’ ġlied intern qawwi.

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf u jsostni dak li ż-żewġ naħat qablu fuqu l-waqfien mill-ġlied immedjat fuq t-territorju kollu, kif ukoll li Sirte u Jufra ma jkunx hemm armi, li forzi militari barranin jinħarġu mill-pajjiż u finalment li fl-2021 jkun hemm elezzjonijiet ġenerali.

Dawn l-punti prinċipali ta’ ftehim li waslu wara trattattivi twal u komplikati fejn diversi pajjiżi oħra kienu involuti għandhom jiftħu t-triq sabiex jkun hemm stabbilità u demokrazija f’pajjiż daqshekk determinanti għall-paċi fil-Mediterran. Passi li l-Partit Nazzjonalista jittama li jintlaħqu fiż-żmien li ġej.

Share With: