Paul Pogba jittestja pożittiv għall-coronavirus

L-istilla ta’ Manchester United, Paul Pogba, ittestja pożittiv għall-coronavirus. Il-player ta’ 27 sena kien issejjaħ fl-iskwadra ta’ Franza għall-impenji li jmisshom matul ix-xahar id-dieħel min-Nations League iżda issa postu ttieħed minn Eduardo Camavinga.

Intant, il-midfieler ta’ Tottenham u kompatrijott ta’ Pogba, Tanguy Ndombele, ukoll tneħħa mill-iskwadra Franċiża wara li wkoll nstab pożittiv għall-coronavirus.

Pogba baqa’ l-Ingilterra matul il-vaganzi tiegħu u deher f’ritratti fir-Restaurant Cipriani, f’Londra, nhar is-Sibt filgħaxija flimkien ma’ martu Maria Zulay Salaues li qed tistenna tarbija, u sħabu.

B’hekk issa huwa se jkollu jqatta’ 14-il jum f’iżolament, li jfisser li se jkun qed jitlef il-bidu tal-preparazzjonijiet tal-pre-season tal-club nhar l-Erbgħa li ġej.

Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 fir-Russja li għandu tifel flimkien ma’ martu Maria, huwa l-aħħar player s’issa mill-Premier League li ttestja pożittiv għall-Covid-19.

Share With: