Paulo Dybala fil-pjani ta’ Juventus

Iċ-champions Taljani Juventus qed jittamaw li l-istilla tagħhom Paulo Dybala jirritorna madwar ġimgħa oħra wara li bħalissa għaddej b’perjodu ta’ rijabilitazzjoni f’Ibiza wara injury li kellu. 

Hekk kif il-Bianconeri bdew l-istaġun tagħhom bl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ, in-nuqqas ta’ Dybala deher ċar.

Il-player Arġentin sofra injury waqt li kien qed jilgħab il-logħba mill-fażi tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League kontra Olympique Lyon u biex ikun ‘il bogħod minn kull riskji, anke tal-coronavirus, mar f’Ibiza biex jagħmel perjodu ta’ rijabilitazzjoni.

Il-player ta’ 27 sena qed jiġi segwit minn fiżjoterapista rinomat biex il-player ikun tajjeb għas-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-ġimgħa d-dieħla. 

Sadanittant waqt konferenza stampa li l-coach il-ġdid ta’ Juventus, Andrea Pirlo, kellu mal-ġurnalisti, huwa tenna li l-istilla tat-team Paulo Dybala mhux għall-bejgħ.

Kuntrarju għal kull tip ta’ spekulazzjoni, il-player Sudamerikan jinsab fil-futur taċ-champions Taljani u fl-iskema tattika tal-istess Pirlo għall-istaġun li ġej.

Share With: