Pjan ambizzjuż għal skejjel aktar moderni

Il-bini, il-klassijiet, il-laboratorji, il-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel, l-infrastruttura kollha kemm hi, hija parti integrali fl-edukazzjoni ta’ uliedna huma kollha elementi kruċjali tal-ambjenti tat-tagħlim fl-iskejjel, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-universitajiet. Hemm evidenza qawwija li infrastruttura ta’ kwalità għolja tiffaċilita struzzjoni aħjar, ittejjeb ir-riżultati tal-istudenti u fuq kollox tgħin bil-kbir l-andament skolastiku tal-istudenti u wkoll tal-edukaturi. L-infrastruttura tal-iskejjel hija bażi ewlenija għat-tagħlim fl-iskejjel.

Ridna naraw x’qed isir f’pajjiżna, fl-isfond ta’ diversi proġetti li għaddejjin f’dik li hija infrastruttura fl-iskejjel tagħna.

“Nemmen bis-sħiħ li l-ambjent għandu effett fuqna, mhux fl-ambjent skolastiku biss, imma l-ambjent b’mod ġenerali. Meta dħalt b’din ir-responsabbiltà ministerjali, fuq quddiemnett fil-pjan ta’ ħidma tiegħi kien hemm li nieħu ‘ritratt’ tal-ambjent tal-iskejjel tagħna, ħalli b’diskussjoni naraw xi stajna nagħmlu biex intejbu. Ovvjament kull skola għandha l-istorja tagħha u għalhekk kull skola jew stituzzjoni edukattiva għandha l-bżonnijiet partikolari tagħha”, qalilna l-Ministru Owen Bonnici.

Fil-ġimgħat li għaddew qrajna dwar diversi proġetti li qed isiru, minn skejjel ġodda, sa’ tisbieħ u moderniżżar ta’ oħrajn. Staqsejna lill-Ministru Bonnici dwar il-ħsieb wara dan ix-xogħol li qiegħed isir, speċjalment fi skejjel ġodda li qed jinbnew. Huwa qalilna li fejn jidħlu klassijiet, dawn qed jirriflettu spazji moderni u flessibbli.

“Fil-bini ta’ skejjel ġodda trid tieħu kunsiderazzjoni ta’ ħafna aspetti. Fejn huwa possibbli qed nibnu skejjel kompletament ġodda, bħall-iskola ġdida li daqt tkun lesta fil-Qawra, fl-Imsida u wkoll fir-Rabat, Għawdex”, spjegalna l-Ministru Bonnici.

Filfatt permezz tal-Fondazzjoni ghall-Iskejjel t’Ghada, il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni ħaseb għal skola primarja ġdida fil-Qawra, li se tikkumplimenta l-iskola ezistenti f’San Pawl il-Bahar, li se tibqa’ topera. Hemm l-Iskola Primarja gdida fir-Rabat, Ghawdex – progett li jinvolvi wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Middle School ukoll fir-Rabat, Ghawdex. Fl-Imsida hemm il-proġett tal-Iskola Primarja gdida, progett li jinvolvi t-twaqqiegh tal-iskola ezistenti u l-bini ta’ skola kompletament gdida fuq l-istess sit.

Imma ankè jekk mhux bini ġdid, qed ikun hemm modernizzar ta’ skejjel oħra, bħal ma’ qed isir bit-tkabbir u mmodernizzar tal-Iskola Sekondarja taz-Zejtun. Dan huwa proġett li minn spazju eżistenti, ddiskutejna u ħriġna bi pjan li nimmodernizzaw u nkabbru. L-Iskola Sekondarja taz-Zejtun qed tiġi estiza billi nbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, zidna 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn. Żviluppajna laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda.

Apparti l-progett ta’ estensjoni tal-iskola, dan il-progett għalhekk inkluda wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola ezistenti. L-iskola issa hija aċċessibli għall-istudenti kollha, permezz ta’ bini ta’ diversi lifts fil-binja kollha. Hemm proġetti oħrajn li huma ppjanati.

“Qed nieħdu ħsieb ukoll intejbu l-ambjent ta’ skejjel oħra”, komla jgħidlina l-Ministru Bonnici, “Kif għidt ftit ilu, ħarsina lejn is-Senior School tal-Kullegg San Tumas Moore f’Santa Lucija. Kien hemm bżonn ta’ titjib fiha u rnexxielna wkoll naslu biex nagħmlu dan”.

Meta nfethet l-iskola sekondarja f’Santa Lucija fis-snin disghin din saret minghajr sala. Sa mill-bidu nett, l-amministrazzjoni tal-iskola għamlet diversi talbiet biex tinbena sala biswit l-iskola. Dan il-Gvern, permezz tal-FTS, qiegħed jibni binja li tinkorpora fiha sala li se tintuża bħala teatru u sala oħra għall-attivitajiet sportivi. Dawn il-facilitajiet se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola.

Il-Ministru Bonnici kompla jgħidilna li kull skola għandha l-bżonnijiet tagħha. Fakkarna fi proġett li tnieda ġimgħat ilu u li minkejja li forsi fl-għajna jidher ‘żgħir’, imma il-benefiċċju minu huwa kbir ħafna. Dan kien il-proġett ta’ bini ta’ pont u passaġġ fis-Senior School tal-Kullegg San Gorg Preca fil-Hamrun, dak li huwa forsi magħruf aħjar bħala l-Liceo. X’kien qed jiġri qabel tlesta dan il-proġett? L-istudenti u l-edukaturi kellhom inkonvenjent biex jimxu minn naħa għall-oħra tal-iskola. L-iskola hija magħmula minn żewġ binjiet prinċipali u biex jgħaddu minn naħa għall-oħra riedu bilfors jinżlu fis-sular t’isfel. Dan l-inkonvenjent spiċċa bil-bini ta’ dan il-pont u passaġġ fit-tieni u fit-tielet sular rispettivament bil-għan li tgħaqqad iż-żewġ binjiet minn kull sular. Dan għalhekk naqqas ħafna ħela ta’ ħin għall-istudenti u għall-edukaturi.

“Kulħadd jaf kemm għandi għal qalbi l-kultura”, qalilna l-Ministru Bonnici, “u għalhekk proġett li qiegħed għal qalbi ferm huwa dak tar-restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta”. Dan il-proġett jinvolvi r-restawr u t-tisbieħ tal-Iskola u jinkludi wkoll it-tibdil tas-sistemi tad-dawl u l-ilma. Il-binja, mibnija fi zmien l-Ordni ta’ San Gwann, se ssir kollha kemm hi aċċessibli għal kulħadd bl-installazzjoni ta’ lifts.

Dawn huma biss parti minn lista ta’ proġetti li għandu quddiemu l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Hemm oħrajn li għaddejjin, oħrajn li qed isiru diskussjonijiet dwarhom. L-għan aħħari li fejn huwa possibbli l-ambjent infrastrutturali li jqattgħu ħafna ħin fih l-istudenti u l-edukaturi jkun kemm jista’ jkun l-aqwa possibbli.

“Aħna impenjati li nipprovdu l-aqwa ambjent ta’ tagħlim fl-iskejjel biex nippreparaw lit-tfal u liż-żgħażagħ fil-ħiliet u t-tagħlim li għandhom bżonn biex jirnexxu. Aħna rridu l-aħjar possibbli għal uliedna u ulied uliedna”, temm jgħidilna l-Ministru Owen Bonnici.

Share With: