Player ta’ Barcelona jinstab pożittiv għal coronavirus

Barcelona kkonfermaw test pożittiv għall-coronavirus qabel il-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Bayern Munich.

Madankollu, il-Blaugrana, iddikjaraw li dan il-każ mhuwiex wieħed mill-membri tal-ewwel skwadra li se tivvjaġġa għal-Lisbona nhar il-Ħamis.

Dan hekk kif dan huwa wieħed mid-disa’ players li qed jinżammu separatament mill-iskwadra li hija disponibbli għall-aħħar tmienja taċ-Champions League.

Dawk id-disa’ players irritornaw fit-training grounds tal-club nhar it-Tlieta fejn ġew ittestjati qabel sarulhom testijiet mediċi nhar l-Erbgħa u l-bidu tal-pre-season nhar il-Ħamis, wara li jew kienu għadhom kemm ġew iffirmati mill-club jew inkella kienu rritornaw minn esperjenza ta’ self ma’ timijiet oħra.

Stqarrija uffiċjali maħruġa mill-club matul il-jum tal-Erbgħa kkonfermat li kien hemm membru tat-team li ttestja pożittiv għall-virus u li sussegwentament tpoġġa f’iżolazzjoni.

“Il-persuna affettwata huwa asintomatiku, jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u jisnab iżolat ġewwa daru.”

“Il-club informa lill-awtoritajiet kompetenti tal-isport u tas-saħħa. B’żieda għal dan, il-persuni kollha li kellhom kuntatt mal-player ġew intraċċati biex jagħmlu it-testijiet neċessarji.”

“Il-player ma kellux kuntatt ma’ membri tal-ewwel team li qed jippjana li jivvjaġġa lejn Lisbona matul il-jum tal-Ħamis.”

Id-disa’ players li kellhom testijet mediċi nhar it-Tlieta nkludew lill-akkwist il-ġdid ta’ 20 sena Francisco Trincao, li ngħaqad mal-Katalani mingħand il-Portugiżi ta’ Braga għas-somma ta’ £27 miljun.

Il-players l-oħra huma Matheus Fernandes, Jean-Clair Todibo, Moussa Wagué, Carles Alena, Rafinha, Miranda u Oriol Busquets.

Barcelona ma ħabbrux l-isem tal-player li nstab pożittiv.

Il-Blaugrana li għelbu lil Napoli fin-Nou Camp fil-partita mir-round tal-Aħħar 16 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, jinsabu ottimisti li dan il-każ mhux se jkollu effetti negattivi fuq il-partita tant importanti kontra Bayern Munich fl-Estadio da Luz.

Barcelona qed ifittxu li jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2015, fejn fl-aħħar staġun fuq livell domestiku tilfu l-Liga Spanjola għas-spejjeż tar-rivali eterni, Real Madrid.

Share With: