Post tax-xogħol minn kull ħamsa huma perikolużi

Minn spezzjonijiet li għamlu l-uffiċjali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) f’postijiet tax-xogħol matul Lulju li għadda irriżulta li madwar sit min kull ħamsa kellu ambjent meqjus bħala perikoluż.

B’kollox l-uffiċjali għamlu 690 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol li minnhom 119 instabu li kien fihom periklu li jikkawża mwiet jew ġrieħi gravi lill-ħaddiema.

L-uffiċjali ordnaw lix-xogħol jieqaf immedjatament sakemm is-sitwazzjoni tiġi indirizzat u minbarra hekk se jingħataw multa jew se jittieħdu passi bil-Qorti.

Fl-istess xahar 38 entità u individwu ingħataw multa talli kisru l-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-multi kienu jvarjaw minn €250 u €1,000.

L-iktar ksur tal-liġi komuni kienu konnessi ma’ nuqqas ta’ prekawzjonijiet biex l-impjegati ma jaqgħux mill-għoli.

Matul l-istess xahar l-OHSA ħarġet 147 avviż ta’ kif il-post tax-xogħol jista’ jtejjeb l-ambjent mil-lat ta’ sigurtà għax ma kienx miexi mar-regoli u rat mal-436 rapport.

Dr Mark Gauci, Kap Eżekuttiv tal-OHSA, irrimarka kif minkejja l-informazzjoni li hemm dwar is-saħħa u s-sigurtà għad hemm min jinjora l-obbligi legali u b’hekk ipoġġi f’riskju lill-ħaddiema tiegħu.

“F’dan il-mument l-OHSA qed tistenna li tibda azzjoni legali kontra 450 persuna oħra dwar ksur tal-liġi”, żied jgħid Dr Gauci. 

Share With: