Pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha għal GO fl-ewwel 6 Xhur

GO p.l.c. għadha kemm ħabbret ir-riżultati finanzjarji għall-perijodu bejn Jannar u Ġunju 2020, żmien li kien karatteriżżat l-iżjed b’dak kollu li ġabet magħha l-pandemija Covid-19. 

Għalkemm it-tħarbit lokali u internazzjonali , kien dak li kien, GO irnexxielha tikkontrolla l-impatt fuq l-andament finanzjarju tagħha b’diversi miżuri li implimentat hekk kif beda’ jkollha l-ewwel indikazzjonijiet li l-pandemija kienet se tilħaq ukoll lil Malta.  

“Bħala kumpanija konna minn ta’ l-ewwel imħejjija biex niffaċċjaw l-isfidi li ġabet il-pandemija. Żammejna postna fil-qalba tal-komunità; għamilna dak kollu li stajna biex inżommu n-nies u n-negozji konnessi fi żminijiet meta l-iżjed kellhom bżonn, u assigurajna nibqgħu noperaw b’mod normali bl-iktar mod sigur u effiċjenti biex inkomplu nwasslu r-riżultati mixtieqa, “qal Nikhil Patil, il-Kap Eżekuttiv . 

Matul il-perjodu taħt reviżjoni, id-dħul tal-grupp ammonta għal € 91.6 miljun, żieda ta’ 7.8% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan primarjament ġie minn żieda fid-dħul ta’ €5.5 miljun minn Cablenet, is-sussidjarja tal-GO f’Ċipru, liema tkabbir irriżulta mid-diversifikazzjoni tal-kumpanija fil-kontenut sportiv premium. Id-dħul mill-operat tad-data centre żdied b ‘€ 0.5 miljun. Il-fergħa tat-telekomunikazzjoni f’Malta rreġistrat ukoll żieda fid-dħul. L-EBITDA tal-Grupp baqa’ stabbli meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra, madankollu l-profitt operattiv naqas bi €3.9 miljun prinċipalment minħabba ħlasijiet ogħla ta’ deprezzament u amortizzazzjoni.

Il-ġenerazzjoni ta’ flus mill-operat baqa’ b’saħħtu u stabbli fil-Grupp kollu u matul il-perjodu taħt reviżjoni, dan ammonta għal €26.1 miljun (2019: € 24.8 miljun). Il-ġenerazzjoni soda kontinwa ta’ flus mill-operat ippermetta lill-Grupp jiffinanzja investimenti ta’ € 30.0 miljun (2019: € 16.9 miljun).

“GO hija tassew impenjata lejn Malta u n-nies tagħha. Ix-xhur li għaddew kienu partikolarment ta’ sfida għal kulħadd, imma lkoll qbilna li l-iżjed ħaġa kruċjali kienet li nibqgħu konnessi. Covid-19 uriet l-aħjar ta’ dak li l-GO kapaċi twassal – mhux biss f’termini ta’ teknoloġija, iżda wkoll permezz tar-rwol tagħha fil-qalba tal-komunità. Ħadna rwol importanti immens fis-soċjetà – li nżommu lin-nies, lin-negozji, lill-front liners u ‘l Malta konnessi mal-bqija tad-dinja,” qal Nikhil Patil. 

Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-riżultati ħarġet ġimgħa biss wara li GO organizzat it-22 Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, l-ewwel darba li dan kien imxandar live għall-azzjonisti tagħha. Il-Membri tal-Bord ipparteċipaw ukoll mill-bogħod biex jirrispettaw ir-regoli tad-distanza soċjali. 

Dawn ir-riżultati jkomplu jirriflettu l-prestazzjoni pożittiva li l-Grupp GO esperjenza matul l-2019. Fl-ewwel indirizz tiegħu bħala Chairman tal-GO p.l.c. is-Sur Samir Saied iffoka fuq l-importanza tat-teknoloġija f’dawn iż-żminijiet straordinarji. “Żgur li din is-sena kienet impenjattiva għal kumpaniji kollha madwar id-dinja. Il-pandemija niżżlet ħafna kumpaniji għarkobbtejhom.”

“GO kienet strumentali matul dawn iż-żminijiet diffiċli billi żiedet l-appoġġ tagħha lill-komunità tan-negozju f’Malta billi żgurat li jistgħu imexxu l-operat tagħhom online; servizzi kritiċi komplew joperaw bla xkiel filwaqt li ċ-ċittadini baqgħu konnessi ma’ dak kollu li l-iżjed huwa importanti għalihom. Dan għaliex GO minn dejjem kienet u għandha tibqa’ tkun fil-qalba tas-soċjetà Maltija,” spjega s-Sur Saied. “GO irnexxielha tagħmel dan kollu filwaqt li kompliet bil-programm ta’ ħidma ambizzjuża tagħha. L-andament tagħna huwa r-riżultat ta’ strateġija biex inkomplu ninvestu fin-negozju tagħna, fit-teknoloġija u fl-impjegati tagħna,” kompla jgħid. 

Matul l-2019, il-Grupp investa €37 miljun fin-netwerk u l-infrastruttura diġitali tiegħu. GO tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tkompli tespandi l-fibre network tagħha u ttejjeb is-sistemi tal-IT sabiex il-klijenti jibqa’ jkollhom l-aħjar esperjenza possibbli.

Ir-riżoluzzjonijiet kollha ppreżentati waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġew approvati. Ir-Rapport Annwali u r-Rapporti Finanzjarji huma disponibbli onlajn fuq www.go.com.mt

Share With: