Rachel Cuschieri hija uffiċjalment player ta’ Lazio

Il-player internazzjonali Maltija, Rachel Cuschieri, se tkompli l-karriera tagħha fl-Italja meta fi tmiem din il-ġimgħa ffirmat kuntratt mat-team tas-Serie B Taljana, S.S. Lazio Women.

Hija ġiet ukoll ippreżentata uffiċjalment bil-flokk tat-team il-ġdid tagħha. 

Dan it-trasferiment seħħ wara kollaborazzjoni bejn l-aġenzija ta’ Cuschieri bl-isem ta’ Flowsports u SM Group bit-Taljan Fabio Piluso li daħal bħala intermedjarju f’dawn in-negozjati.

Cuschieri kien skadielha l-kuntratt mal-ex team tagħha PSV Eindhoven wara li dawn tal-aħħar ma xtaqux li jiġġedded dan il-kuntratt. Hija kienet ilha magħhom sa minn Mejju 2018 fejn lagħbet 13-il partita u skorjat żewġ goals. 

Cuschieri, li lagħbet ukoll ma’ Birkirkara, RSC Anderlecht u Apollon Limassol, se tkun qed tingħaqad mal-kompatrijotta Emma Lipman li min-naħa tagħha telqet lil Florentia San Gimignano sabiex marret mal-Biancocelesti.

Din hi aħbar oħra tajba li seħħet wara li l-ġimgħa l-oħra l-player żagħżugħa Haley Bugeja ffirmat kuntratt ma’ Sassuolo Calcio.

Rachel Cuschieri m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-football Malti minħabba li rebħet diversi unuri ma’ Birkirkara FC.

Ma’ Apollon Limassol kellha x-xorti tirbaħ il-kampjonat u t-Tazza Ċiprijotta tliet darbiet filwaqt li saret l-ewwel player femminili li ngħaqdet ma’ club barrani fuq bażi professjonali.

Il-player il-ġdida ta’ Lazio lagħbet ukoll fir-rounds il-proprja tal-UEFA Women’s Champions League ma’ Apollon Limassol.

Fuq livell internazzjonali, Cuschieri lagħbet 65 darba mat-team nazzjonali Malti u skorjat 11-il goal. L-aħħar goal li skorjat kien proprju fir-rebħa prestiġjuża ta’ 2-1 li l-Maltin kellhom fuq Georgia fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. 

Share With: