Raġel arrestat u mressaq il-Qorti akkużat bi traffikar ta’ droga

Ritratti: CMRU

Raġel ta’ 48 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, ilbieraħ filgħodu kien arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra Droga, wara jiem ta’ osservazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga. 

Ir-raġel kien segwit minn Malta u twaqqaf mill-Pulizija malli niżel minn fuq il-vapur filPort tal-Imġarr, Għawdex. 

Minn tfittxija li saret fil-vettura tiegħu, il-Pulizija sabu ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettuża, allegatament kokaina u ħaxixa tal-cannabis. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn instabet iktar droga. 

B’rabta ma’ dan l-arrest, aktar kmieni illum, fil-Qorti t’Għawdex, ir-raġel ta’ 48 sena kien akkużat quddiem il-Maġistrat Monica Vella, bil-pussess mhux għall-użu esklussiv tiegħu tad-droga kokaina u kannabis. 

Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Hu ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.

Share With: