Raġel mixli li kien vjolenti mal-eks-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 47 sena residenti l-Ħamrun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli bi vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Huwa kien mixli li lbieraħ fi Trid id-Duluri, il-Ħamrun, heddidha u uża vjolenza kontra tagħha kif ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għal-libertà proviżorja.

Il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qiegħda toġġezzjona għal din it-talba dment li jkun hemm ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. Il-Maġistrat Doreen Clarke tatu l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2,000.

Huwa kien ordnat ukoll jiffirma l-Għassa tal-Ħamrun darbtejn fil-ġimgħa u ma jersaqx lejn l-eks sieħba tiegħu jew javviċinaha u wisq inqas jikkomunika magħha.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Stacy Attard mentri l-Avukat Victor Bugeja assista lir-raġel.

Share With: