Rapporti jindikaw li l-qtil doppju f’Tas-Sliema sar b’vendetta

Il-karozza li ħarbu biha l-allegat qattiela kienet Volkswagen SUV

Rapporti ppubblikati matul il-ġurnata fuq is-sit TVM, qed jgħidu li skont sorsi qrib il-Pulizija l-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema nhar it-Tlieta u li ħasad il-ħajja tat-tabib Christian Pandolfino u tas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski seħħ b’vendetta. Minkejja din l-ipoteżi, il-Pulizija għadha m stabbilixitx il-mottiv primarju wara l-qtil doppju. 

Informazzjoni oħra li qed tiċċirkola tgħid li l-karozza li ħarbu biha minn fuq il-post l-allegat qattiel hija tat-tip Volkswagen SUV. Jidher li l-karozza nsterqet sentejn ilu u l-pjanċi li ntużaw insterqu minn vettura oħra li kienet f’Paceville. 

Mhux eskluż li l-qtil kien ikkummissjonat minn terzi persuni

Il-Pulizija bħalissa qed tkompli televa u tistudja l-filmati tal-kameras li kienu jgħassu d-dar lussuża tal-koppja Pandolfino u Maciejowski bil-għan li jinqabdu l-allegat qattiela. 

Skont informazzjoni li kompliet toħroġ wara l-qtil, jidher li l-ħallelin damu fid-dar erba’ minuti biss u qatlu lill-koppja f’sulari separati. 

Pandolfino ta’ 58 sena u Maciejowski ta’ 30 sena kienu kollezzjonisti tal-arti u kienu jħobbu jilbsu ħafna d-deheb. Wieħed ta’ min jinnota li d-deheb li jidher f’ħafna ritratti li kienu jtellgħu l-koppja fuq il-midja soċjali ma nsteraqx. 

Il-Pulizija mhiex qed teskludi t-teorija li dan il-qtil seta’ kien ikkummisjonat minn terza persuni.

Share With: