Reġistrat progress fit-tilwima industrijali bejn il-GWU u l-WSC

Kien irreġistrat progress fit-tilwima industrijali li t-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi għandha mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Dan sar waqt laqgħa ta’ konċiljazzjoni msejħa lbieraħ mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) fejn iż-żewġ naħat spjegaw il-pożizzjoni dwar it-talbiet tagħhom fir-rigward tal-ftehim kollettiv.

Fil-laqgħa, l-unjin baqgħet tisħaq fuq il-bżonn li jiġi ppreżentat pakkett finanzjarju biex b’hekk ikun jista’ jiġi konkluż ftehim kollettiv ġdid.

Min-naħa tagħhom, il-maniġment tal-WSC flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru li taħtu taqa’ l-Korporazzjoni, urew ix-xewqa tagħhom li n-negozjar ikompli b’mod amikevoli u mistennija jippreżentaw il-pakkett finanzjarju fil-ġimgħat li ġejjin.

Id-DIER, fost affarijiet oħra, nnutat ir-relazzjoni professjonali li hemm bejn iż-żewġ naħat u li l-union tassew tagħraf l-operat u l-bżonnijiet ta’ tibdil li għandu jsir fil-ftehim kollettiv.

F’kummenti lil dan is-sit, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li huwa jħares ‘il quddiem li r-relazzjoni professjonali li teżisti bejn iż-żewġ naħat tkompli tissaħħaħ biex dan ikun ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-Korporazzjoni.

Share With: