Rekord ta’ Ingliżi qed jemigraw lejn pajjiżi tal-UE biex jevitaw Brexit

In-numru ta’ ċittadini Ingliżi li qegħdin jemigraw lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea żdied bi 30% sa mir-referendum ta’ Brexit. Skont l-esperti, dan il-livell hu ekwivalenti għal dak ta’ pajjiż li jkun għaddej minn kriżi ekonomika jew politika. 

Minn analiżi tal-informazzjoni mill-OECD u mill-Eurostat jidher li n-numru ta’ persuni li telqu kien jammonta għal 73,642 persuna fis-sena bejn l-2016 u l-2018. Dan ifisser żieda ta’ 500% f’dawk li mbagħad iggwadanjaw ċittadinanza oħra fi stat tal-Unjoni Ewropea. 

Jidher li fil-każ tal-Ġermanja, kien hemm mal-31,600 Ingliż li stabbilixxew ruħhom hemm mir-referendum u dan ifisser żieda ta’ 2,000%. Madankollu, l-akbar qabża kienet fil-migrazzjoni lejn Spanja u Franza. 

Il-ftehim ta’ rtirar mill-Unjoni Ewropea, li ġie ffirmat f’Jannar, jinkludi fih ir-residenza, flimkien ma’ drittijiet tax-xogħol u soċjali għal ċittadini tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit u viċe versa. Iżda, jonqos milli jiggarantixxi d-drittijiet ta’ moviment ħieles għal migranti Ingliżi u għalhekk inaqqas il-prospetti ta’ impjieg futur jew inkella ta’ residenza fi stati membri oħra. Sakemm iċ-ċittadini Ingliżi ma jiħdux iċ-ċittadinanza tal-pajjiż li jkun qed jilqagħhom, allura ma jkunux jistgħu jaħdmu jew joffru servizz lil xi stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Dan qed iħalli impatt fuq diversi professjonijiet, fosthom il-kontabilità, l-avukati, il-periti, it-tradutturi u ħaddiema tas-saħħa. 

Share With: