Roma jgħaddu f’idejn Dan Friedkin

Roma bdew l-era Dan Friedkin wara li ntlaħaq ftehim biex dan il-club mill-belt kapitali Taljana jgħaddi għand dan il-multi-miljunarju bil-predeċessur tiegħu, James Pallotta, se jħalli kompletament ir-riedni tal-club. 

Friedkin Group xtraw lill-club għas-somma ta’ €591 miljun u l-assi se jgħaddu uffiċjalment għandhom, fil-31 ta’ Awwissu li ġej.

F’dan l-isfond, id-diriġenti l-ġodda ta’ Roma se jkunu qed jaħdmu biex isaħħu l-iskwadra tagħhom bi players ta’ kalibru fit-tentattiv li jkun hemm logħob aħjar minn dak li ntwera matul l-istaġun li għadu kif intemm.

L-ewwel prijoritá tal-grupp Friedkin se tkun dik li jsibu direttur sportiv ġdid u għal dan il-għan hemm tliet kandidati magħrufa … Gianluca Petrachi, Francesco Totti u Ralf Rangnick. Għall-ewwel tnejn dan jista’ jkun ritorn lejn Stadio Olimpico filwaqt li għal tal-aħħar hemm il-possibbiltá li jmur bħala diriġent fl-Italja wara li naqas li jilħaq ftehim ma’ AC Milan.

Share With: