Salvini jħossu kburi b’dak li għamel… jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs

L-eks-Ministru tal-Intern, Matteo Salvini qal li se jkun qiegħed jiffaċċja l-akkużi kontrih fit-tribunal b’wiċċu minn quddiem. 

Dan hekk kif sar magħruf li s-Senat Taljan ivvota biex jippermetti li jittieħdu l-proċeduri kontra l-eks-Ministru talli ma ħalliex bastiment mimli immigranti milli jidħol fil-kosta Taljana f’Awwissu li għadda.   

Minħabba din id-deċiżjoni, aktar minn 100 immigrant spiċċaw maqbudin fuq il-bastiment Spanjol Open Arms għal 19-il ġurnata lil hinn mill-gżira ta’ Lampedusa. 

Il-prosekuzzjoni fi Sqallija qiegħda takkuża lil Salvini b’detenzjoni illegali, liema akkużi jfissru piena sa 15-il sena. Madankollu, Salvini kiteb f’post fuq Twitter li l-Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni Taljana tgħid li d-difiża tal-Patrija hi d-dover sagru taċ-ċittadin u għalhekk ma jħossux li naqas meta għamel li għamel. 

Salvini diġà kellu każi ieħor li jrid jiffaċċja dwar akkużi simili. 

F’dan il-każ, is-Senat ivvota li jneħħilu l-immunita parlamentari u b’hekk issa jista’ jitressaq il-Qorti. Salvini jemmen li l-fatt li ddefenda l-Italja mhux reat u jħossu kburi li għamel dak li għamel.

Share With: