Salvu jgħid li kien iħobb ħafna lil ibnu u dejjem għenu għax kellu problema tad-droga

Dalgħodu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia mistenni li tibda l-kumpilazzjoni kontra Salvu Dalli ta’ 68 sena magħruf bħala “Danger Man” li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine ta’ 37 sena fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq.

Antoine nstab mejjet mill-pulizija fil-kamra tal-banju, bl-awtopsja tikkonferma li l-vittma nqatel b’tir f’żaqqu. Il-każ seħħ fis-7 ta’ Awwissu li għadda. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard.

L-Avukat Lennox Vella u Marisa Mifsud qed jidhru għall-akkużat. L-Avukati Franco Debono u Kathleen Calleja Grima qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma.

Jixhed l-Ispettur Arnaud … L-imputat stess għajtilhom mit-tieqa u qalilhom fejn seħħ il-każ

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien l-Uffiċjal Prosekutur l-Ispettur Keith Arnaud. Huwa qal li fis-7 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-11.00 a.m. kienet infurmat li seħħet sparatura f’residenza fi Triq il-Gudja, Ħal Għaxaq.

Qal li huwa kien infurmat li l-każ kien jitratta anzjan li kien spara fuq it-tifel tiegħu li kien mejjet fil-post. L-anzjan kien ġie arrestat u t-tifel tiegħu Antoine Dalli kien instab mejjet fil-kamra tal-banju. Xħin wasal fuq il-post, l-Ispettur Arnaud qal li kien tkellem mal-pulizija u ħa aktar tagħrif mingħandhom fejn irriżulta li kien l-imputat stess li għajtilhom mit-tieqa u qalilhom fejn kien seħħ il-każ.

“Dħalna ġewwa r-residenza flimkien mat-tim forensiku. Kont infurmat li senter kien tħalla fuq is-sodda li aktarx intuża fir-reat.” L-Ispettur Arnaud qal li mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma rax sinjali ta’ żgass mal-bieb bid-delitt jidher li seħħ fis-sular ta’ fuq. Qal li fis-shower deher sink bl-ilma u ammont ta’ demm quddiem is-sink u kien hemm il-katavru quddiem is-shower tray li deher li kellu ferita f’żaqqu li tidher li kienet “gunshot wound.”

Sadanittant, huwa kien infurmat li Salvu Dalli kellu bżonn xi inhalers li kienu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Daħal fil-kamra tas-sodda u hemm sab l-inhalers man-naħa tal-komodina tal-lemin. Deher ukoll li kien hemm skrataċ li ma kinux użati. 

L-Ispettur Arnaud qal li ġew mitkellma xi ġirien li wħud minnhom li kienu semgħu b’dak li ġara u taw xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Inkwerenti. Qal li aktar tard mar id-Depot fejn kien hemm Salvu Dalli u kien issejjaħ tim tal-forensika biex jieħdu swabs fuq il-ġisem ta’ Salvu Dalli għal GSR. 

L-Ispettur Arnaud saqsih jekk riedx avukat, għall-bidu qal li ma kellux flus u baqa’ jinsisti ma riedx idaħħal lit-tfal fi spejjeż. Imbagħad biddel il-ħsieb u ddeċieda li jkollu jassistih lil Dr Lennox Vella. L-Ispettur spjega li Salvu Dalli għandu tliet itfal fosthom Antoine Dalli. 

Fis-7 ta’ Awwissu kien kellem lis-sieħba tal-mejjet Antoine Dalli li spjegat li ilha taf lil Antoine għal madwar sitt snin u mir-relazzjoni tagħhom għandhom żewġt itfal. Spjegat li mindu saret taf lil Antoine kienu jgħixu fir-residenza f’Ħal Għaxaq fejn seħħ id-delitt u li l-akkużat kien ħareġ minn hemm u mar jgħix f’xi dura fiż-Żurrieq.

Spjegat ukoll li riċentament kien inqala’ xi diżgwid bejn Antoine u missieru. Madwar tliet ġimgħat qabel seħħ id-delitt, Salvu kien keċċa lil Antoine mir-residenza u ma ħalliehx jgħix aktar hemm. Baqgħet toqgħod biss hi u kien mar joqgħod hemm Salvu Dalli. Jiem wara, is-sieħba tal-vittma kienet spiċċat ukoll barra mir-residenza u marret toqgħod fi proprjetà oħra. 

Hija kompliet tispjega li nqalgħu problemi mal-Appoġġ minħabba t-tfal u kellha struzzjonijet li għall-ġid tat-tfal hi kellha tirrisjedi ma’ ommha. Qalet li dakinhar tal-qtil hi infurmatu b’dan u kien ħadha ħażin. Qalet li f’dan ir-rigward Antoine kien dispjaċut b’dak li kien se jiġri.

Numru ta’ Rapporti lill-Pulizija qabel il-qtil

Fis-6 ta’ Lulju li għadda kien sar rapport minn salvu Dalli l-Għassa taż-Żejtun fej fih kien talab lil pulizija tintervjeni minħabba li t-tifel ma kienx qed jagħmilha ma’ kumpanija tajba u allega li kien aggredit mit-tifel barra r-residenza. Fl-1 ta’ Awwissu kien sar rapport fl-Għassa taż-Żejtun fejn is-sieħba tal-vittma kienet telqet mir-residenza f’Ħal Għaxaq u minflok marret tgħix f’post ieħor ma’ Antoine Dalli. 

Irriżulta rapport ieħor li seħħ il-Ħamis 6 ta’ Awwissu magħmul minn Salvu Dalli fil-konfront ta’ ibnu Antoine jidher li kien hemm agument bejn il-missier u l-iben li jitratta t-tfal. Jidher li Antoine Dalli beda jwaħħal f’missieru li l-Appoġġ kienu se jiħdulu lil uliedu minn miegħu. L-għada kien sar rapport mit-tifel tal-imputat u ħu l-mejjet fejn kien hemm allegat theddid minn Antoine Dalli fil-konfront tiegħu. 

Irriżulta li s-senter li kien hemm fuq is-sodda huwa reġistrat fuq l-istess Salvu Dalli. Antoine Dalli kellu wkoll xi armi reġistrati fuqu li kienu ttieħdu. 

Salvu Dalli mar iċempel lill-Pulizija mingħand il-ġar 

Il-Pulizija kellmet ġar li kien joqgħod ftit passi bogħod mir-residenza fejn irriżulta li ftit wara l-inċident, Salvu Dalli ħabbtilhom il-bieb u talabhom iċempel il-pulizija għax qal li kien spara fuq t-tifel. Kien ċempel mingħandhom lill-pulizija, hu u ħiereġ barra, l-istess ġar innotah li kellu s-senter miegħu li ġabru u ħadu lura fir-residenza tiegħu.

Fl-istess triq kien hemm kamera tas-sigurtà li tħares lejn ir-residenza fejn seħħ id-delitt li qabdet lil Antoine jasal fir-residenza ta’ Salvu. Jidher li għall-ħabta tal-10.51 a.m. Antoine wasal bir-rota u kif poġġieha hemm deher isabbatha mal-art. 

Disa’ minuti wara deher l-imputat Salvu Dalli barra r-residenza u jersaq lejn ir-residenza tal-familja Generoso. Ftit tal-ħin wara waslet ambulanza u l-pulizija. 

Salvu jgħid li kien iħobb ħafna lil ibnu u dejjem għenu għax kellu problema tad-droga

Salvu Dalli kien mitkellem fit-8 ta’ Awwissu u fl-ewwel stqarrija li ta lill-Pulizija rrakkonta li dak kollu li ġara fir-residenza. Huwa spjega fid-dettall li Antoine kien jgħix fid-dar tiegħu. Qal li s-senter kien ilu li xtrah u qatt ma użah. Qal li kien mar jgħix iż-Żurrieq wara li mietet il-mara tiegħu.

Salvu Dalli qal li kien iħobbu ħafna lil Antoine u dejjem għenu għax kellu problema tad-droga. Kien ukoll imur miegħu laqgħat tal-Caritas biex jgħin lil ibnu jiġġieled il-vizzju tad-droga. Qal li għamel perjodu rkupra pero’ dan l-aħħar kien reġa’ qabad il-vizzju tant li Antoine kien beda jirvilla kontrih.

Salvu jgħid li ma riedx joqtol lil ibnu … mat-tir hu waqa’ u mexa lejn is-shower

Salvu qal ukoll li madwar xahrejn ilu Antoine beda jerfa’ jdejh fuqu. Dan jikkorrabora mar-rapport li kien għamel. Qal li dan kollu eskala f’Ġunju ta’ din is-sena meta t-tifel tiegħu kien ħebb għalih.

Skont Salvu Dalli fil-ġlied li kien ikollu ma’ ibnu, Antoine kien jgħidlu “jekk toqtolni tispiċċa l-ħabs u hemm ipattuhielek għax għandi l-ħbieb.” Fost dan id-diżgwid it-tifel ġieli allegatament heddu li joqtlu u kien jgħidlu “qabel noqtlok ma noqgħodx kwiet.”

Salvu Dalli żied jgħid li dakinhar tad-delitt għall-ħabta tal-10.00 a.m. kellu l-gallarija miftuħa u sema’ lil ibnu joffendih u jgħidlu llum noqtlok żgur. Huwa allega li Antoine kien żgassa l-bieb u sadanittant kien ipprepara s-senter u tefa’ skartoċċ fih għax kien iżommu ħdejh bħala self-defense peress li kien qed jiġi mhedded minn ibnu.

L-akkużat qal li t-tifel kien qabeż fuqu u mbuttah minn sidru. Qal li s-senter kien f’idejh u bl-imbuttatura tat-tifel ġibed il-grillu u spara t-tir. Fl-istqarrija tiegħu Salvu qal li hu ma riedx joqtol li t-tifel. Qal li mat-tir ibnu waqa’ fl-art u mexa lejn is-shower. 

Ħin minnhom ibnu talbu jġiblu l-ilma pero’ Salvu kien beża’ jagħmel dan għax qal li kienet tmur aktar agħar. Imbagħad huwa mar għand il-ġirien biex iċempel għall-pulizija.

Salvu żied jispjega li Antoine ċavetta tad-dar ma kellux. Minkejja li allega li l-vittma żgassa l-bieb, l-Ispettur Arnaud qal li ma dehrux sinjali ta’ żgass fil-bieb ta’ barra. Salvu kien qal ukoll li kien beħsiebu jagħmel stanga mal-bieb ta’ barra minħabba biża’ li jidħol għalih ibnu. 

Salvu Dalli qal ukoll li ma kienx sofra l-ebda ġrieħi dakinhar tal-qtil.

Share With: