Sarah Chouhal tikser ir-rekord nazzjonali tal-U20 fl-400m hurdles

Kull minn kien qed jistenna ġurnata kwieta fit-trakka tal-Matthew Micallef St John Stadium fl-okkażjoni tal-aħħar MAAA Challenge kellu sorpriża pjaċevoli.

Il-ġurnata mill-ewwel turik u fl-ewwel avveniment, Sarah Chouhal reġgħet kisret ir-rekord nazzjonali ta’ taħt it-18 u l-20 sena fl-400 metru hurdles b’ħin ta’ 1.05.93s.

L-100m offra taqtigħa inkredibbli fejn Luke Bezzina (St. Patricks) u Jacob El Aida Chaffey (Starmax) daħlu preċiżament flimkien b’10.85s, b’Lloyd Mhiripiri (La Salle) it-tielet b’10.94. L-isprint femminili ma kien xejn t’anqas b’Claire Azzopardi u Sarah Busuttil (it-tnejn ta’ Pembroke Athlete) mifruda biss b’0.03 ta’ sekond. Azzopardi rebħet it-tellieqa f’12.23

L-aktar sfida mistennija tal-ġurnata kienet tellieqa fuq distanza ta’ 1500m fejn Dillon Cassar ta’ Raptorz u Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Wolves taw prestazzjoni mill-aqwa u baqgħu qrib xulxin sal-linja finali. Finalment kien Cassar li ħareġ rebbieħ b’ħin ta’ 4.02.16, b’Deboni jirreġistra 4.02.50. Id-differenza bejniethom kienet verament minima u b’hekk sfida qawwija bejniethom hi issa mistennija ħmistax oħra fil-Kampjonati Nazzjonali.

Ir-rebbieħa tat-3000m, Charlton Debono (Evolve Endurance club) u Monalisa Camilleri (AS Libertas) iddominaw it-tiġrija rispettiva mill-bidu sat-tmiem, bit-tnejn jirreġistraw personal best fuq id-distanza. Camilleri,  b’ħin ta’ 9.43.91, saħansitra marret biss 4 sekondi minn wieħed mill-eqdem rekords nazzjonali ta’ pajjiżna li kien stabbilit 26 sena ilu. F’din it-tellieqa ta’ min jirrimarka żewġ rekords tal-kategorija, b’Lisa Marie Bezzina (W40) u l-kollega tagħha fit-taħriġ Peter Azzopardi (M55), it-tnejn ta’ Pembroke Athleta, b’ħinijiet ta’ 9:58.04 u 10:02:18 rispettivament.

L-atleti kollha issa jistgħu jgawdu ħmistax mistrieħ qabel l-aħħar imbuttatura, dik l-aktar importanti tal-Kampjonati Nazzjonali, li se jwasslu fit-tmiem staġun eċitanti u partikolari tal-atletika f’pajjiżna.

Fi tmiem iċ-Challenge, Andy Grech, President tal-MAAA qal: Din kienet ġimgħa oħra ta’ sfida għall-Assoċjazzjoni li kellha tadatta għal realtajiet li qed jevolvu f’pajjiżna biex nassiguraw is-saħħa u s-sigurtà totali għall-atleti u l-uffiċjali. L-isforzi tagħna issa se jkunu iffukati biex inwasslu Kampjonati Nazzjonali memorabbli ħmistax oħra”.

Riżultati oħra

Jacob El Aida Chaffey (Starmax) iddomina l-200m f’ħin ta’ 21.99.

Claire Azzopardi (Pembroke Athleta) rebħet it-triple jump, fejn permezz tal-ħames qabża tagħha rreġistrat l-aqwa ħin ta’ dan l-istaġun b’12.67.

Luka Martina (Rush) waddab il-hammer distanza ta’ 56.52m, 44ċm inqas mir-rekord nazzjoanli tiegħu. Fil-kategorija femminili, Sarah Chouhal għaqqdet id-doppjetta personali fil-ġurnata b’49.02m.

Share With: