Sejba ta’ droga fuq tliet Spanjoli wara rapport ta’ storbju f’residenza f’San Ġiljan

Tliet żgħażagħ Spanjoli ta’ 23 sena ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati droga ecstasy, raża tal-cannabis u ħaxixa tal-cannabis. 

Huma ġew arrestati wara li l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan marru mill-ewwel fi blokka ta’ appartamenti fuq rapport ta’ storbju. 

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-04.15 a.m., il-Pulizija waslulha rapporti mill-pubbliku ta’ storbju li kien ġej minn appartament fi Triq il-Mensija, San Ġiljan. 

X’ħin waslu fuq il-post, il-Pulizija taw istruzzjoni lill-persuni li kienu fl-appartament biex jinżlu isfel, iżda dawn irrifjutaw. B’assistenza ta’ xi ġirien, il-Pulizija daħlu fil-binja u meta telgħu fit-tieni sular, daħlu flappartament u sabu lit-tliet żagħżagħ. 

Minn tfittxija li saret fl-appartament instabu sustanzi suspettati droga. 

It-tliet Spanjoli kienu arrestati u ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. 

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. 

Share With: