Sitt players ta’ Chelsea pożittivi għall-coronavirus

Il-preparazzjonijiet ta’ Chelsea għall-istaġun il-ġdid qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif sitta mill-players tagħhom instabu pożittivi għall-coronavirus u tpoġġew f’iżolament, waqt li tnejn oħra tpoġġew fi kwarantina.

Huwa mifhum li Mason Mount, Tammy Abraham, Christian Pulisic u Fikayo Tomori  ilkoll jinsabu f’iżolament wara li kienu f’vaganza fuq il-gżira Griega ta’ Mykonos qabel beda t-taħriġ tal-pre-season matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Jorginho, Ross Barkley, Emerson u Michy Batshuayi, huma wkoll irrapurtati li qed joqgħodu ‘l bogħod mill-bażi ta’ Chelsea, Cobham.

Għadu mhux magħruf min minn dawn il-players ittestja pożittiv iżda qed jiġi rrapurtat li sitta minn dawn il-players għandhom il-virus u tnejn oħra jinsabu fi kwarantina minħabba li kienu f’kuntatt mill-viċin ma’ dawk affettwati.

Il-players kollha kellhom testijiet għall-coronavirus fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qabel ir-ritorn pjanat għat-taħriġ tal-pre-season.

Iżda bħala riżultat tal-bżonn li jmorru fi kwarantina, numru ta’ players ta’ Chelsea għadhom iridu jirritornaw fil-kwartieri ġenarali ta’ Chelsea f’Cobham.

Abraham u Mount jinsabu fl-iskwadra Ingliża ta’ Gareth Southgate u l-perjodu tagħhom ta’ kwarantina ma jidhirx li se jkun qed jaffettwa l-impenn tal-ġimgħa d-dieħla minn Nations League kontra l-Islanda. Dan hekk kif huwa mifhum li Southgate kien diġá konxju minn din is-sitwazzjoni qabel sejjaħ l-iskwadra tiegħu.

Il-midfielder Barkley, li tħalla barra mis-selezzjoni ta’ Southgate minħabba injury ukoll kien għall-vaganza f’Mykonos, fejn huwa deher f’ritratti fis-Sant Anna Beach Club – fejn dehru wkoll Abraham u Tomori.

Dimitris Christoforidis, sid ta’ Sant Anna kkonferma li l-players ta’ Chelsea żaru l-club għal diversi drabi matul il-ġimgħa li għaddiet.

Fi kliemu: “Mort insellmilhom biex nara kienx kollox sew għalihom.”

“Huma kienu qed iżuru diversi bars, clubs u restaurants oħra fejn kien hemm persuni oħra u l-postijiet ma kinux daqshekk ventilati.”

“Il-club tiegħi huwa fil-miftuħ, fuq il-bajja u m’għandux spazji żgħar fil-magħluq. Hemm ukoll 55 kamra tal-banju, li jintużaw biss mill-klijenti tagħna.”

“Ninsab persważ li huma ma laqtux il-coronavirus mill-post tagħna.”

Share With: