Sliema superjuri għal Valletta

Ritrattt: Dominic Borg

Sliema …………….. 14

Valletta ……………… 6

(4-0, 6-1, 1-3, 3-2)

Sliema kienu wisq superjuri għal Valletta biex għelbu lil Valletta bl-iskor kbir ta’ 14-6. Huma komplew jikkonfermaw li din taf tkun is-sena tagħhom hekk kif qed jipproduċu logħob mill-aqwa bis-centre Jerome Gabarretta ikompli jimpressjona hekk kif skorja xejn inqas minn ħames goals. Min-naħa l-oħra, l-aqwa skorer għall-Beltin kien il-veteran Michele Stellini li rreġistra doppjetta personali.

Sliema ħargu ferm aggressivi sa mill-ewwel sessjoni li rebħuha bl-iskor ta’ 4-0 bl-iskorers ikunu Jerome Gabarretta, Liam Galea, Nicholas Bugelli u Zach Mizzi.

Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kompliet tidher b’mod iktar evidenti fit-tieni sessjoni bis-Slimiżi jiddominawha għal kollox u jittrijonfaw bl-iskor ta’ 6-1, b’Jerome Gabarretta ikun il-protagonista hekk kif irreġistra hat-trick, bit-tielet goal tiegħu jasal minn man-up wara li tkeċċa Keith Galea. Il-goals l-oħra għalihom waslu minn Nicholas Bugelli, Michael Spiteri Stainee u John Brownrigg, filwaqt li Keith Galea skorja l-uniku goal għall-Beltin.

Konxji li r-rebħa kienet diġá aċċertata, is-Slimiżi rrilassaw xi ftit fit-tielet sessjoni bil-Beltin japprofittaw minn dan u jirbħuha bl-iskor ta’ 3-1, bl-awturi tal-goals ikunu Peter Borg u Michele Stellini (2), bl-ewwel goal għalih jasal minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li tkeċċa ż-żagħżugħ Jayden Cutajar. Dan filwaqt li Jamie Gambin skorja l-goal waħdani għal Sliema.

Fir-raba’ sessjoni, Valletta, żammew l-istess ritmu tat-tielet waħda u ħabbtu xi ftit lil Sliema iżda xorta waħda ħarġu fuq in-naħa telliefa hekk kif għaż-żewġ goals tagħhom, Sliema skorjaw tlieta.

Il-goals għat-team immexxi mill-coach Kroat, Sergio Afric, waslu minn Jerome Gabarretta u John Brownrigg (2), bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa l-ex player Edward Aquilina. Min-naħa l-oħra, il-goals għall-Beltin waslu minn żewġ man-ups, l-ewwel minn Andrea Bianchi wara li tkeċċa Jamie Gambin, u t-tieni minn Andrea Agius wara li tkeċċa Jacob Sciberras.

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta (5), 3-Liam Galea (1), 4-Jacob Sciberras, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia, 7-Michael Spiteri Staines (1), 8-Jake Cutajar, 9-John Brownrigg (3), 10-Jamie Gambin (1), 11-Zach Mizzi (1), 12-Nicholas Bugelli (2), 13-Cain Cutajar Coach: Sergio Afric

Valletta: 1-Ryan Sciortino, 2-Peter Borg (1), 3-Edward Aquilina, 4-Michele Stellini (2), 5- Andrea Agius (1), 6-Ryan Mock, 7-Daniel Paolella, 8-Andrea Bianchi (1), 9-Nicholas Farrugia, 10-Miguel Zammit, 11-Keith Galea (1), 12-Niki Lanzon, 13-Thomas Micallef Coach: Srdjan Lazaredit

Referees: Mirko Schiavo, Mario Dalli

Share With: