Studju kbir dwar l-antikorpi fl-Ingilterra… 3.4 miljun persuna morda bil-COVID-19, ir-rata ta’ infezzjoni d-doppju f’Londra

Minn MELVIN FARRUGIA

Studju kbir dwar l-antikorpi, li sar mid-Dipartiment tas-Saħħa Ingliż u mill-Imperial College ta’ Londra, wera li madwar 3.4 miljun persuna fl-Ingilterra (6% tal-popolazzjoni) qabdithom il-Coronavirus, filwaqt li r-rata ta’ infezzjoni kienet id-doppju f’Londra. 

Il-Gvern Ingliż qed jgħid li dan hu l-akbar stħarriġ ta’ dan it-tip li sar fid-dinja, fejn ġew intervistati aktar minn 100,000 persuna. Dan l-istudju jissuġġerixxi li l-estensjoni ta’ kemm jinfirex il-virus ivarja ħafna minn żoni differenti u minn gruppi tal-popolazzjoni. 

Juri li f’Londra, 13% tan-nies kellhom l-antikorpi, filwaqt li f’partijiet oħra tal-Ingilterra dan il-livell kien ferm inqas. 

Barra hekk, l-istudju wera li nies minn gruppi etniċi ta’ minoranza, Ażjatiċi u Afrikani, kienu flimkien mal-care workers u l-persuni li jgħixu fi djar fejn hemm ħafna nies li kienu l-aktar fiċ-ċans li jiġu infettati. 

F’din ir-riċerka, dawn il-100,000 persuna għamlu testijiet lilhom infushom fid-djar tagħhom biex jaraw jekk kellhomx antikorpi għall-Coronavirus bejn l-20 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju. Il-Gvern qal li m’hemm ebda prova ċara li l-antikorpi jipprovdu l-immunità kontra l-virus. 

Madankollu, saru sejbiet sinjifikanti li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet uffiċjali dwar ir-restrizzjonijiet tal-lockdown li jista’ jkun hemm bżonn fil-futur u liema gruppi huma fl-akbar riskju. 

Is-sejbiet prinċipali kienu:

– fost dawk l-aktar li jistgħu jiġu infettati hemm il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa

– fil-popolazzoni aktar wiesa’, 17% tal-persuni suwed u 12% tal-Ażjatiċi ġew infettati

– nies fl-aktar żoni depravati tal-Ingilterra kellhom livelli ta’ antikorpi ogħla minn dawk li jgħixu fl-aktar żoni sinjuri

– wieħed minn kull tliet persuni bl-antikorpi ma kien juri ebda sintomi, fattur li żdied fost dawk li għandhom aktar minn 65 sena. 

Dan l-istudju mistenni jerġa’ jsir fil-ħarifa, fejn din id-darba se jiġu ttestjati 200,000 persuna għall-antikorpi. 

Il-Ministru tas-Saħħa Edward Argara qal li s’issa għadna ma nafux jekk l-antikorpi jipprovdux immunità kontra l-Coronavirus, iżda sostna li aktar ma jkun hemm informazzjoni u aktar man-nies jipparteċipaw fi studji simili, aktar ikunu ppreparati biex jirrispondu. 

Share With: