Studju tal-President tat-tobba jikkuntrasta mal-opinjoni li jesprimi mal-pubbliku

Studju xjentifiku li wettaq il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Dr Martin Balzan f’ġurnal akkademiku dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta jikkuntrasta bil-kbir mad-dikjarazzjonijiet li għamel fl-aħħar jiem fejn fost oħrajn beda jsejjaħ lill-Gvern biex idaħħal mill-ġdid restrizzjonijiet fuq l-attività ekonomika u soċjali f’Malta. 

Dr Balzan ippubblika dan l-artiklu fil-ġurnal “Medical Hypotheses” maħruġ mill-grupp Olandiż Elsevier fit-22 ta’ Lulju li għadda, jiġifieri inqas minn ġimagħtejn ilu. 

F’dan l-artiklu, il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba jiddikjara li “SARS-CoV-2 incidence and mortality in Europe have shown wide variation. Northern Italy in particular the Lombardy region, north-eastern French regions, Switzerland and Belgium were amongst the hardest hit, while the central and southern Italian regions, all the Balkan countries from Slovenia to Greece and the Islands of Malta and Cyprus had much fewer cases and deaths per capita, and deaths per number of cases.”

Fil-fatt l-istudju ta’ Dr Balzan jindika li Malta kellha rata ta’ mortalità ta’ 1.5%, li kienet l-anqas osservata mill-pajjiżi u reġjunijiet kollha li ħares lejhom. B’kuntrast fi Sqallija r-rata ta’ mortalità kienet 8% u fir-reġjun tal-Kalabrija 8.4%.

Tant hija kbira d-differenza fl-impatt mediku tal-COVID-19 li Dr Balzan jipproponi li “The geographical distribution of the SARS-Cov-2 in southern Europe is highly suggestive of herd immunity, or perhaps a more effective immune response to this novel virus.” 

Dan ifisser li skont Dr Balzan, il-poplu Malti u Għawdxi għandu karatteristiċi li jikkontrollaw b’xi mod l-imxija tal-COVID-19.

Filfatt Dr Balzan jinnota li minkejja li l-isptarijiet tat-Tramuntana tal-Italja huma ferm tajbin, kif ukoll kien hemm proċessi mediċi tajbin flimkien ma’ rati għoljin ta’ swabbing u tracing tal-virus, xorta s-sitwazzjoni spiċċat kienet ferm agħar minn reġjunijiet fin-Nofsninhar. Tant li l-artiklu jgħid li “differences in public health measures, and health care delivery, in the author’s opinion, can only partly explain the difference.”

Jidher li dawn l-istqarrijiet jikkuntrastaw sewwa ma’ dak li jgħid Dr Balzan hawn Malta fejn isostni li l-miżuri mediċi huma l-mod kif l-imxija ma laqtitx daqstant lil pajjiżna, tant li issa qed isostni li hemm bżonn miżuri aktar restrittivi. 

Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat kien qiegħed jesprimi b’konvinzjoni li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna fejn tidħol l-imxja tal-COVID-19 hija waħda inkwetanti u sejjaħ lill-Gvern biex idaħħal mill-ġdid bosta restrizzjonijiet. 

Dan imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li ssostni li biex wieħed idaħħal restrizzjonijiet ir-rata ta’ testijiet pożitivi trid tisboq il-5%. 

Ċifri uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa juru li f’pajjiżna ilna mis-7 ta’ April ma jkollna rata ta’ pożittivi li hija ’l fuq minn din il-linja gwida, u bħalissa r-rata qed tkun qrib 1%, jew ħames darbiet anqas.

Share With: