Tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti qabel jibda l-istaġun tal-lampuki

​​Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo għamel żjara fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk u attenda għall-quddiesa, fejn wara saret iċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali tat-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti sabiex iġġib ir-risq lis-sajjieda biex ikollhom staġun tajjeb fil-qabda tal-lampuki.

Il-quddiesa u ċ-ċelebrazzjoni kienu mmexxija mill-Arċipriet ta’ Marsaxlokk Dun Luke Seguna.

Il-gvern provda ’l fuq minn 15,000 werqa tal-palm għas-sajjieda tal-lampuki li ġew imqassma b’xejn fil-ġranet li għaddew bħala għajnuna.

F’Malta u Għawdex hawn 122 sajjied irreġistrati għas-sajda tal-lampuki, fejn għada jkunu jistgħu jitfgħu l-kannizzati tagħhom biex fl-aħħar tal-ġimgħa jmorru jdawwru ċ-ċimi għall-ewwel qabda tas-sena.

L-istaġun tal-lampuki jibda fil-15 t’Awwissu u jibqa’ għaddej sal-aħħar tas-sena. Preżentament, id-dgħajjes u l-bastimenti huma mgħobbija bil-kannizzati kif ukoll bil-ġebel, palm u ċimi sabiex flimkien joħorġu ’l barra u jsorġu ċ-ċimi skont il-pożizzjonijiet li ġew provduti lilhom mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.

Il-Ministru Anton Refalo qal li dawn it-tradizzjonijiet huma marbuta mal-kultura u l-identità tagħna. F’dan ix-xahar t’Awwissu, kemm il-familji kif ukoll l-imprendituri tar-ristoranti jkunu qegħdin jistennew biex iduqu u jservu l-lampuki għall-ewwel darba. Il-ħidma tas-sajjied Malti għandha tkun ferm apprezzata, mhux matul dan l-istaġun biss, iżda s-sena kollha.

Share With: