Tenet… film ieħor tajjeb mingħand Christopher Nolan

F’sena fejn ġejna mċaħħda mill-blockbusters kollha ppjanati fl-ewwel xhur tas-sena, kien hemm wieħed li kien dejjem determinat li jisfida ċ-ċirkostanzi u xorta jiddebutta fit-teatri.  Id-direttur Christopher Nolan kien determinat li l-film tiegħu tant mistenni “Tenet” għandu jsalva s-swali taċ-ċinema.  Jirnexxilu?  L-almu kollu tiegħu għamlu b’film li jekk ma tarahx fuq skrin kbir u b’dak is-sound b’saħħtu li teatru biss kapaċi joffri. titlef ħafna mill-impatt li għandu.  Naturalment, wieħed irid josserva l-protokolli kollha tas-saħħa kif indikati lilna mill-awtoritajjiet, flimkien ma’ dawk addizzjonali li jistgħu jħeġġuna li nsegwu s-sidien tat-teatri.

Nistqarr mill-bidu nett, li “Tenet” hu film mimli xeni eżotiċi iffilmjati f’seba’ pajjiżi differenti (fl-Indja, d-Danimarka, n-Norveġja, l-Estonja minbarra diversi nħawi fl-Italja kif ukoll fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti).  L-atturi (rġiel u nisa) huma mlibbsa lbies mill-ifjen.  L-isparar, l-isplużjonijiet u l-istunts bil-karozzi mhumiex nieqsa.  Dak id-divertiment li tlifna f’dawn l-aħħar sitt xhur nistgħu nsibuh f’dawn is-sagħtejn u nofs.  Sabiex forsi jippreparani għal dak li ser naraw, wieħed mill-karattri f’ħin minnhom jistaqsi jekk il-kriminali li qed jeħduha kontra tagħhom humiex qed jippjanaw għal xi olokawst nukleari, pronta tkun it-tweġiba: “Le.  Xi ħaġa agħar!”

Din it-tweġiba tingħata lill-wieħed li sempliċiment ngħarfuh matul il-film kollu bħala Il-Protagonist (John David Washington).  Huwa jkun aġent taċ-CIA, li kien assenjat ma’ organizzazzjoni internazzjonali li tkun taħdem bil-moħbi. 

Il-Protagonist jiġi mgħarrfa li xi oġġetti mxerrda mad-dinja manifatturati fil-futur,  kienu qed jivvjaġġaw lura fiż-żmien.  Minn riċerka li tkun għamlet ix-xjenzata Laura (Clémence Poésy), hija kkonkludiet li dawn l-‘inverted objects’ huma l-fdalijiet ta’ gwerra li sseħħ ħafna sekli fil-futur u li twasal biex teqred l-istorja kollha.  Ix-xena bejn Laura u L-Protagonist hi importanti ħafna f’dak li Laura tispjega.

Il-missjoni tal-Protagonist tibda b’mod spettakolari.  Huwa jrid jinfiltra apparatment f’Mumbaj li hu mħares sew u fejn hemmhekk ikun hemm it-traffikanta ewlenija tal-armi Priya (Dimple Kapadia).  Il-Protagonist jirnexxilu bl-għajnuna ta’ Neil (Robert Pattonson).  Wara, l-Protagonist imur ġo restorant lussuż f’Londra biex jieħu struzzjonijiet mingħand Sir Michael Crosby (Michael Caine).  Il-Protagonist ikun irid jagħmel kuntatt ma’ l-oligarka Russu Andrei Sator (Kenneth Branagh).  Biex dan iseħħ, Il-Protagonist irid jgħin lil Kat  (Elizabeth Debicki), tinħall miż-żwieġ ma’ Andrei u jiġi splodut jumbo jet fl-ajruport ta’ Oslo bħala parti minn pjan biex tinqered pittura falsifikata ta’ Goya.  Fl-ewwel 35 minuta tal-film, aktar tħossok qed atar xi film ta’ James Bond.

Mill-mument li L-Protagonist jiltaqa’ ma’ Andrei u nsiru nafu xi trid Kat, il-kunċett ta’ ‘time inversion’ (immorru lura fiż-żmien) jieħu dimensjoni aktar importanti u allura importanti dak li tkun spjegat x-xjenzata Laura aktar qabel fil-film. 

Wieħed irid joqgħod attent sew għall-prologu (li jgħidilna qed isseħħ fl-opera house ta’ Kiev imma fir-realtá ġiet iffiljata fil-Concert Hall ta’ Linnahall, fil-belt Estonjana ta’ Tallinn).  Dan il-prologu hu mimli trufijiet għal tagħrif u battuti li jagħmlu referenza għal xeni aktar ’l quddiem.

“Tenet” (Warner Bros. – KRS: 12A) huwa film fejn trid toqgħod attent ħafna għal dak kollu li jkun qed iseħħ u jintqal.  Il-film għandu nterpritazzjonijiet b’saħħithom.  Jispikka John David Washington (iben l-attur Denzel Washington). Laqatni immens Kenneth Branagh b’dak l-aċċent.  Hu villain b’saħħtu.  Elizabeth Debicki hi l-mara fraġli li hi mċaħħda milli tħaddan lil binha magħha u allura s-simpatija tal-Protagonist (u tagħna) hi l-unika parti sentimentali tal-film.  L-attriċi Indjana Dimple Kapadia hi l-mara misterjuża imma li għandha ċ-ċavetta f’idejha.

Anke l-elementi tekniċi tal-film huma ta’ livell għoli.  L-Izvizzeru Hoyte Van Hoytema jagħtina fotografija tajba immens.  Diġa ħadem ma’ Christopher Nolan fuq is-sett ta’ “Interstellar” u “Dunkirk”.  Van Hoytema uża wkoll l-esperjenza li akkwista meta ffilmja l-aħħar film ta’ James Bond “Spectre”.

Il-mużika ta’ Ludwig Göransson tilgħab parti mportanti wkoll matul il-film kollu.

Share With: