Tensjoni u ansjetà minħabba tbassir ħażin rigward każi ġodda ta’ COVID-19

Minn MELVIN FARRUGIA

Bħalma ġara llum u ilu jiġri kuljum minn mindu faqqgħet din il-pandemija, hemm persuni li kuljum ibassru kemm se jkunu l-każi ġodda ta’ COVID-19.

Peress li l-informazzjoni li qiegħda tingħata mhux dejjem tkun waħda korretta u anke minħabba l-fatt li tingħata f’ċerta ħinijiet li jkunu sigħat twal ‘il bogħod minn meta toħroġ l-istqarrija uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa, qiegħda tinħoloq ċerta ansjetà fost in-nies, li konsegwentament qegħdin jitolbu lill-Gvern biex jieħu azzjoni kontra min qed joħroġ din l-informazzjoni ħażina u li tallarma lin-nies. 

Proprju minħabba f’hekk, aħna staqsejna lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex nifhmu jekk dawn in-nies jistgħux jagħtu din l-informazzjoni u jekk jistgħux jittieħdu passi kontrihom meta joħorġu informazzjoni qarrieqa. 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Paul Azzopardi qalilna li d-Dipartiment ma jżommx reġistru tal-ġurnalisti u ma jiddeċidix min hu ġurnalist. Għaldaqstant, kull persuna għandha dritt bażiku li tagħti fehemtha. 

Min-naħa l-oħra, hu qal li daqstant ieħor kull persuna għandha l-obbligu li ma tagħtix miżinformazzjoni u lanqas diżinformazzjoni. 

Ta’ min wieħed jgħid li l-Alliance for Mental Health qalet li minħabba ż-żieda fil-każi ta’ COVID-19 qiegħda tinħloq ċerta biża’, paniku u ansjetà inevitabbli. Għalhekk ta’ min wieħed ikun aktar responsabbli tal-informazzjoni li jxerred, filwaqt li l-pubbliku għandu dejjem isegwi informazzjoni li tingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa b’mod uffiċjali. 

Share With: