Therese Comodini Cachia: “Issa nfasslu l-preżent u l-futur tal-Partit Nazzjonalista”

“Nilqa’ l-vot tal-kunsillieri u l-opportunità li huma issa taw lit-tesserati sabiex issa nfasslu l-preżent u l-futur tal-Partit Nazzjonalista.” hekk qalet id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia f’filmat li hija ppubblikat fuq il-midja soċjali wara li lbieraħ il-maġġoranza tal-kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali tal-PN ivvotaw biex il-Partit jmur għal elezzjoni oħra għall-ħatra ta’ Kap.

Comodini Cachia, li kienet intgħażlet mid-deputati ribelli biex tinħatar bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni minflok il-Kap attwali Nazzjonalista Adrian Delia, żiedet tgħid li l-istess bħalma kienet minn ta’ quddiem biex tagħti l-opportunità lit-tesserati, se tkun qed tibqa’ tikkontribwixxi “biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun partit b’saħħtu, kredibbli, magħqud, u serju.”

Saħqet li biex il-PN jilħaq dan il-għan jeħtieġ li jagħmel użu mit-talenti kollha disponibli, kemm dawk it-talenti li diġà jinsabu fi ħdanu u kif ukoll talenti ħodda.

Intant fl-elezzjoni tal-bieraħ 839 Kunsilliera vvutaw biex il-Partit Nazzjonalista jmur għal elezzjoni ta’ Kap, jiġifieri 56%. Dan filwaqt li 659 (44%) ivvutaw biex jaffermaw lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN.

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, Delia qal li hu se jkun qed jerġa’ jitfa’ ismu fit-tellieqa għall-elezzjoni ta’ Kap. Qal li huwa fiduċjuż li t-tesserati se jkunu qed jagħżlu l-politika tal-ħafna u mhux tal-ftit. Fl-istess waqt qal li anke fl-eventwalità tal-għażla ta’ Kap ġdid hu se jkun qed jirrispetta d-deċiżjoni u jaħdem aktar flimkien mal-kap il-ġdid. Min-naħa l-oħra, huwa qal li jekk ikun affermat kap huwa se jkun qed ibiddel l-uċuh fi ħdan il-PN. Delia qal li l-għajta tiegħu għall-kampanja se tkun “Mod ġdid, b’Nies Ġodda’.” 

Share With: