Tifla ta’ seba’ snin u tifel ta’ tliet snin jitilgħu muntanja u jiksru r-rekords

Minn ANTHEA CACHIA

Aħwa Ingliżi mhux talli rnexxielhom jitilgħu fuq quċċata ta’ muntanja, iżda saħansitra kitbu l-istorja hekk kif kisru r-rekord. Missierhom, Leo Houlding, xabbatur (climber) professjonali ta’ 40 sena, tela’ fuq il-muntanja Piz Badile, li tinsab bejn l-Iżvizzera u l-Italja. Iżda din id-darba l-avventura ma kinitx waħda bħal tas-soltu għax kien akkumpanjat minn uliedu Jackson ta’ tliet snin u Freya ta’ seba’ snin flimkien ma’ martu Jessica, li hija wkoll għandha l-istess professjoni bħal tiegħu. 

Freya, kisret ir-rekord hekk kif hija l-iżgħar tifla li telgħet fuq muntanja mingħajr assistenza, filwaqt li Jackson huwa l-iżgħar tifel li qatt tela’ fil-quċċata (bl-għajnuna tal-ġenituri).

“Kienet rotta klassika, waħda mill-aqwa grad fid-dinja. Kont tassew impressjonat għaliex it-tifla rnexxielha titla’ waħedha u għamlet il-hiking ukoll. U għadha kif għalqet seba’ snin il-ġimgħa l-oħra,” spjega Leo. 

Huwa żied jgħid li l-mara tiegħu refgħet lil binha fuq darha tul il-vjaġġ, “li jiżen madwar 15-il kilo. Jiena kemm ġarrejt it-tagħmir għall-ikkampjar u l-ikel, li kienu jiżnu naqra iktar.”

Leo beda l-vjaġġ tiegħu ta’ 39 sena u sakemm tela’ fuq il-quċċata għalaq 40 sena. Jessica żiedet tgħid, “kienet xi ħaġa sabiħa ħafna. Kull sena nilħqu livell ogħla. Kienet kisba kbira, speċjalment għat-tifla tagħna.”

Hija temmet tgħid li issa se jibdew il-vjaġġ għal fuq l-ogħla muntanji fil-Monenegro, iżda tgħid li mhux se jkunu daqstant esiġenti daqs Piz Badile.

Share With: