Tinfetaħ is-sejħa għall-għażla tal-Kap tal-PN

Il-Kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħarġet is-sejħa għal dikjarazzjoni ta’ interess għal dawk il-persuni interessati li jkunu kandidati fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

L-applikanti, li jeħtieġ li jkunu tesserati tal-Partit, iridu jkunu jiġu approvati permezz ta’ eżerċizzju ta’ due diligence, u jkun wara li jgħaddu minn dan l-eżerċizzju li jkun permess li jniedu l-kampanja tagħhom.

L-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN kienet deċiża permezz ta’ votazzjoni li saret fost il-membri tal-kunsill ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li kienu mitlubin jagħżlu jekk iridux jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala l-Kap, jew jekk iridux li tissejjaħ elezzjoni ġdida għat-tmexxija  tal-partit.

Delia kien intgħażel mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista tliet snin ilu, madankollu t-tmexxija tiegħu kienet waħda turbulenti fejn anke kellu jiffaċċja diversi votazzjonijiet ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu. Eventwalment ix-xahar li għadda huwa kien sfidujat mill-biċċa l-kbira tad-deputati Nazzjonalisti f’vot sigriet, bi ftit jiem wara jerġa’ jkun sfiduċjat fl-eżekuttiv.

Intant dawk il-persuni kollha li jridu jiddikjaraw l-interess tagħhom biex ikunu kandidati għall-elezzjoni għal ħatra ta’ Kap, iridu jagħmlu dan sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Awwissu fit-3.00 p.m.

Share With: