Tislima lil Alan Parker

F’Malta nħadmu bosta films, fejn ġew ħafna diretturi sabiex iwettqu l-ħolma tagħhom.  Uħud minn dawn il-films anke rebħu xi Oscars.  L-ewwel wieħed li daq dan is-suċċess kien “Midnight Express” tad-direttur Ingliż, Alan Parker.  Il-film kien innominat b’kollox għal sitt Oscars, inkluż għall-aħjar film u għall-istess direttur.  Il-film kien rebaħ żewġ Oscars: għall-aħjar screenplay meħud minn sors ieħor (l-awtur tal-iscreenplay hu Oliver Stone) u għall-mużika li diffiċli tinsiha ta’ Giorgio Moroder.

Alan Parker ħalliena il-Ġimgħa fil-għomor ta’ 76 sena, wara li kien ilu għal żmien twil marid.  Il-karriera tiegħu hi mpressjonanti.  Ħadem bosta films f’spektrum wiesa’ ta’ ġeneri imma donnu l-musical kien għall-qalbu.  

Films bħal “Bugsy Malone” (1976), “Fame” (1980), “Pink Floyd: The Wall” (1982), “The Commitments” (1991) u “Evita” (1996) kienu lkoll musicals jew kellhom element ta’ mużika f’forma jew oħra.

“Bugsy Malone” kien l-ewwel film li hu dderieġa li kien ħalla mpressjoni kbira mal-kritiċi u l-pubbliku.  Ħareġ f’nofs is-snin sebgħin, propju meta Hollywood kien għaddej minn perjodu mhux tant sabiħ f’dak li hu talent.  Alan Parker, li kien ġej mid-dinja tal-produzzjoni tar-reklami, ħasad lil kulħadd b’dan il-gangster-musical bl-isfond tal-epoka tad-depressjoni ġewwa l-Istati Uniti.  Il-kast kien kollu magħmul mit-tfal ta’ 15-il sena jew anqas.  Jodie Foster kienet waħda minnhom.  Flok bullets, il-machine guns tagħhom kien jisparaw krema xkumata. “Bugsy Malone” kien l-ewwel minn ħames films innominati għall-Palma tad-Deheb f’Cannes.

Immedjatament wara s-suċċess ta’ “Bugsy Malone” ġie “Midnight Express”.  Irridu nammettu li konna ffortunati li d-direttur Alan Parker ġie fostna.  Huwa ried jiffilmja f’Istanbul ġot-Turkija stess fejn isseħħ l-istorja vera ta’ Billy Hayes.  L-awtoritajiet Torok ma tawhx permess.  Għalhekk, Alan Parker sar jaf bil-forti Sant’Iermu u minn bini mitluq dawwru f’ħabs Tork u hemmhekk żvolġiet din l-esperjenza terribbli għaż-żagħżugħ Amerikan.   Billy Hayes inqabad bil-ħaxixa mdawwra bit-tape ma’ qaddu waqt li kien ser jirkeb l-ajruplan.  

Fil-parti ta’ Billy Hayes, deher l-attur Amerikan Brad Davis fl-ewwel parti priniċipali tiegħu.  Davis kellu 28 sena meta ġie jiffilmja hawn Malta u kif ammetta fl-awtobijografija tiegħu, huwa kien diġa mifni bil-problema tad-droga.    Fl-1979, Brad Davis instab li kellu l-AIDS, kawża ta’ użu ta’ labra nfettata.  Huwa miet ta’ 41 sena fl-1991.

Skont Alan Parker, waħda mill-akbar problemi li kellu kien il-budġit li kienet lesta tatih il-kumpanija Columbia Pictures.  Meta l-parti prinċipali ġiet irrifjutata minn Richard Gere u John Travolta, il-Columbia naqqsu l-budget għall-film u bdiet ekonomija stretta.  Kienet lesta li tħallaslu 53 jum biss għall-iffilmjar fuq medda ta’ tmien ġimgħat – jiġifieir prattikalment kulħadd ried jaħdem b’ilsienu barra.  Il-film hu stmat li ġie jiswa mat-$2.3 miljun.

Il-film tant ħalla impatt kulturali li sa illum, meta persuna tingħata sentenza li trid tiġi skontata f’ħabs Tork, jingħad b’mod retoriku li dak hu l-agħar kastig li tista’ tingħata.

Apparti għal “Midnight Express”, Alan Parker ġie nnominat wkoll għal Oscar meta għaxar snin wara kien tana “Mississippi Burning”.  F’dan il-film li fih jidhru Gene Hackman, Willem Dafoe u Frances McDormand, nsibu aġenti tal-FBI li jmorru Mississippi sabiex jinvestigaw l-għibien ta’ diversi attivisti tad-drittijiet ċivili.

Fost il-ħafna unuri li rebaħ, Alan Parker rebaħ erba’ British Film Awards għall-films tiegħu: għal “Bugsy Malone” (screenplay); “Midnight Express” (direzzjoni) u “The Commitments (producer tal-aħjar film u direzzjoni).

Alan Parker iżżewweġ darbtejn.  It-tieni mara, Lisa Moran, kellha isimha nkluż bħala producer f’diversi films ta’ żewġha.  Kellu erbat itfal, li tnejn minnhom huma assoċjati mal-qasam mużikali: Alexander hu wieħed li jagħmel arranġamenti għall-orkestri, filwatq li Jake hu kompożitur.

Share With: