Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Antoine Dalli

10.55: Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, se tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Antoine Dalli fejn missieru Salvu jinsab akkużat b’dan il-qtil.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. L-Avukat Lennox Vella qed jidher għal Salvu Dalli.

L-Avukati Kathleen Calleja Grima u Francesca Zarb qed jidhru għall-familja tal-vittma.

Bdiet tixhed il-Kuntistabbli Rebecca Grech li hi stazzjonata ż-Żejtun. Hi qalet li kulma kienet involuta dakinhar kien biex poġġiet il-Police Tape.

Warajha tela’ jixhed is-Surġent Silvan Pulis. Dan xehed li kienet ċemplitlu mara li qalet li attakkaha Salvu Dalli.

Qal dan b’referenza għall-każ preċedenti li kien involut fih Salvu.

L-avukat Lennox vella qed jilmenta li mhux relevanti għax dan każ li jmur lura xhur ilu. Però, l-Ispettur Arnaud qed jgħid li hu importanti għax l-akkużat għandu akkuża li kiser sentenza sospiża u għax turi l-karattru tal-akkużat. Il-vittma f’dan il-każ kienet ċerta Rodianne Caruana.

Issa tela’ jixhed il-kuntistabbli Wayne Borg li fil-11 ta’ Jannar kien ġabar is-senter mid-dar ta’ Antoine Dalli. Spjega li dan sar waqt spezzjoni fl-inħawi fuq serq u droga fin-naħa tal-Ħlas, f’Ħal Qormi.

Qal li kien hemm aktar nies fiż-żewg kmamar, filwaqt li s-senter kien ikkargat. Qal li dan kien irreġistrat fuq Antoine li kien qal li jħallieh hemm għall-kaċċa.

11.06: Jitla’ jixhed il-Kuntistabbli Rodney Zammit. Jibda jirrakkonta li fis-6 ta’ Awwissu 2020, Salvu Dalli daħal l-għassa u qal li ibnu ċempillu u qallu li se joqtlu. Sostna li l-Appoġġ għamlu risk assessment, filwaqt li hu bagħat għal Antoine Dalli fl-Għassa taż-Żejtun iżda dan ma marx. Spjega li Salvu qal ibnu beda jheddu għax waħħal fih li l-Appoġġ kienu ħadulu t-tfal.

11.40: Issa qed jixhed il-Kuntistabbli Dylan Gerada fejn qed jgħid li Antoine Dalli kien imsejjaħ fl-1 ta’ Awwissu biex jmur Ħal Għaxaq.

Antoine Dalli qallu li missieru kien keċċieh mid-dar fuq diżgwid dwar flus. Qal li Salvu wkoll qallu li kien veru li argumentaw u ried li ibnu u t-tfajla tiegħu joħorġu

Saħaq li Antoine u t-tfajla ħarġu minn hemm u marru joqagħdu f’post ieħor Ħal Għaxaq.

Żied jgħid li ħu Antoine, Silvan Dalli wkoll għamel rapport fejn qal li Antoine ċempillu u qallu li se jeħdulu t-tfal bil-Qorti. Qallu li kien se jaħraqlu d-dar u jpattihielu fuq kwistjoni ta’ self ta’ flus

Il-Pulizija qal li Silvan kien silef xi flus lil ħuh. Qal li ċempel lil Antoine dwar dan u ma weġibx.

Xehed ukoll darba oħra pulizija kollegi tiegħu kienu nnotaw lil Antoine miexi ħafi b’senter fil-pocket u tliet skrataċ. Qal li kien mar u ħadulu, filwaqt li arrestah. Jgħid li Antoine kien qallu li ġabu mill-għalqa għax beża’ li jinsteraqlu.

Issa qed jixhed il-kuntistabbli Aaron Caruana li jispjega li fis-7 ta’ Awwissu daħal rapport li xi raġel kien għaddej bir-rota u niżżel xi tyres tal-karozzi. Qal li mbagħad ġie informat li kien hemm sparatura f’Ħal Għaxaq, fejn Salvu qal lill-Pulizija li ibnu kien fil-kamra tal-banju mejjet. Jgħid li Salvu qalilhom li kien sparalu u li l-arma kienet fuq is-sodda. Jispjega li Salvu ttieħed lejn id-Depot.

Spjega wkoll li Lulju li għadda kien diġa kien hemm argument bejn Salvu u Antoine. Qal li Salvu ma ridux id-dar u ibnu tah daqqa f’wiċċu. Min-naħa l-oħra qal li Antoine qallu li kien mar id-dar ta’ missieru u missieru tah daqqa ta’ ħarta u hu tah lura daqqa ta’ ponn. Sostna li ħadd minnhom ma ried jipproċedi, iżda fil-qorti tressqu akkużi kontrihom it-tnejn talli ħebbew għal xulxin.

12.19: Jingħad li Antoine ried jibqa’ jgħix fid-dar ta’ missieru għax is-sieħba u ż-żewġt itfal tagħhom kienu jgħixu hemm.

Issa jitla’ jixhed is-Surġent Maverick Camilleri li kien fuq il-post meta seħħ il-qtil

Qal li mar id-dar ma’ żewġ pulizija, fejn Salvu qal li kien sparalu.

Jgħid li l-vittma kien bilqiegħda fix-shower u b’ferita fl-istonku.

Semma wkoll li kien hemm mara li qalet li rat persuna bir-rota li daħlet fid-dar u mbagħad semgħet l-għajjat u sparatura. Spjegat ukoll li r-raġel deher eċċitat.

Intant l-avukat ta’ Salvu Dalli talab il-bail għall-klijent tiegħu. Dwar dan qegħdin jittrattaw iż-żewġ naħat. L-avukat ġenerali oġġezzjona għax baqa’ xhieda pajżana li jridu jixhdu

L-Avukat ta’ Salvu qal li l-klijent tiegħu lest joqgħod fid-dar li għandu ż-Żurrieq. L-Ispettur Keith Arnaud qal li Salvu Dalli mhuwiex affidabbli.

Semma kif ftit xhur ilu nstab ħati li ħebb għal mara b’sikkina u ma tgħallem xejn għax minn sikkina issa uża senter. Fakkar li saret anke talba biex jiġi assessjat minn psikjatra u din trid tiġi meħuda f’konsiderazzjoni. Id-deċiżjoni tittieħed fis-seduta li jmiss fil-25 ta’ Awwissu fis-1.00 pm.

Share With: