Tlett irġiel arrestati b’rabta ma’ traffikar ta’ droga

Ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tlett irġiel, f’żewġ operazzjonijiet separati, b’rabta ma’ traffikar ta’ droga. 

Kienu għall-ħabta tat-8:30 p.m, xħin il-Pulizija waqqfu vettura fil-Fgura, wara li kienet ilha sseggwiha, b’informazzjoni li s-sewwieq kien fil-pussess ta’ droga, allegatament biex tiġi traffikata. 

Malli ċċirkondawha, il-Pulizija arrestat lis-sewwieq, raġel ta’ 24 sena residenti Marsaxlokk. Minn tfittxija fil-vettura nstabu aktar minn 20 qartas b’sustanzi allegatament kokaina u cannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. 

Dwar dan il-każ, il-Pulizija se tressaq il-Qorti r-raġel ta’ 24 sena illum, fin-nofsiegħa, quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. 

Intant, waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija, il-Pulizija nnutaw li fl-istess triq, kien hemm vettura, b’żewġt irġiel fiha li dehru qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż. Għaldaqstant avviċinawhom, u wara li saret tfittxija fil-vettura u fuqhom instabu diversi pakketti, allegatament droga cannabis. Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 19-il sena u l-ieħor ta’ 21 sena, ġew arrestati u qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana. 

Aktar investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. 

Share With: