Trump jgħid li l-Ġenerali Amerikani qalulu li jħossu li l-isplużjoni f’Bejrut aktarx kienet “attakk”

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-ġenerali militari Amerikani qalulu li huma “donnhom iħossu” li l-isplużjoni massiva f’Bejrut kienet “attakk terribbli” fil-Libanu u li aktarx ġie kkawżat minn xi bomba. 

Hu kien mistoqsi għalxiex sejjaħlu attakk u mhux inċident, b’mod speċjali peress li l-uffiċjali Lebaniżi qed jgħidu li s’issa għadhom ma ddeterminawx x’kienet il-kawża tal-isplużjoni. 

Trump qal lill-ġurnalisti li jista’ jkun li kollox hu bbażat fuq l-isplużjoni. Qal li ltaqa’ ma’ wħud mill-aqwa ġenerali Amerikani u dawn ħassew li setgħet kienet bomba. Qal li qishom qegħdin jaħsbu li kien attakk u li kienet xi tip ta’ bomba. 

Filwaqt li offra l-kondoljanzi lill-vittmi, hu qal li l-Istati Uniti huma lesti li jassistu lil-Libanu. 

Intant, il-Prim Ministru tal-Libanu, Hassan Diab qal li kien hemm mal-2,750 tunellata ta’ nitrat tal-ammonju li kienu maħżunin f’maħżen għal sitt snin. Sostna li mhux aċċettabbli li konsenja ta’ nitrat tal-ammonju ilha sitt snin f’maħżen mingħajr qatt ma ttieħdu miżuri preventivi u issa pperikolaw s-sigurtà taċ-ċittadini. Qal li hu inaċċettabbli li daqshekk nitrat tal-ammonju jinżamm maħżun fiċ-ċentru ta’ Bejrut għal daqstant żmien. Iddikjara wkoll ġimgħat ta’ stat ta’ emerġenza. 

Share With: