UEL: Valletta megħluba u eliminati

Minn Cris Muscat

Ritratt: Dominic Borg

Valletta ……. 0

Bala Town …1

Lejliet din il-partita il-coach ta’ Valletta, Jesmond Zerafa, kien wissa li kontra kull aspettattiva, dan ma kienx se jkun konfront faċli.

U tabilħaqq ingħata raġun hekk kif Valletta sfaw megħluba minn Bala Town ta’ Wales bl-iskor minimu ta’ 1-0, f’partita li fiha huma qasmu l-logħob mal-avversarji u li ma kienu jisirqu xejn li kieku almenu sfurzaw il-ħin barrani.

B‘hekk huma sfaw eliminati mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Eu­ropa League.

Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet il-101 logħba għall-Beltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Għalihom, iddebuttaw id-difensur ċentrali Serb, Mihailo Jovanovic, u l-winger Ġappuniż, Taisei Marukawa (li daħal bħala sostitut fil-post ta’ Shaun Dimech).

Fl-ewwel taqsima, Valletta kellhom iktar mill-inizjattiva iżda bdew isibu “ħajt” kull darba li ppruvaw jinfiltraw lid-difiża avversarja.

Għalihom spikka ferm Miguel Angel Alba speċjalment bil-crosses insidjużi tiegħu.

Kien biss fis-36 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Valletta jkunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt angolat fil-baxx ta’ Alba ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Bala Town, Alex Ramsay.

Iżda żewġ minuti biss wara, kontra x-xejra tal-logħob, kienu Bala Town li fetħu l-iskor meta Steven Leslie xeħet cross perikoluż lejn il-captain CHRIS VENABLES li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb għal kollox lil Henry Bonello.

Fil-41 minuta, il-Lilywhites għamlu reazzjoni u cross-shot insidjuż ta’ Alba ġie mdawwar f’corner b’diffikultá minn Ram­say.

Mill-corner li rriżulta mogħti mill-istess Alba, Jo­nathan Caruana tħalla żmarkat iżda  d-daqqa ta’ ras tie­għu minn taħt il-lasti spiċċat ftit barra.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Valletta ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jiksbu l-goal tad-draw u proprju fil-61 minuta, huma rebħu penalty meta  Shaun Dimech ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Antony Kay.

Mill-11-il metru nkariga ruħu l-iskorer prolifiku Taljan, Mario Fontanella, iżda ra lill-goalkeeper Ramsay idawwar f’corner bi bravura wara li ntefa’ minn tulu fl-art.

Share With: