Varata l-kampanja ‘Help us Help others’, b’inizjattiva ta’ donazzjonijiet volontarji mill-paga għall-MCCF

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella varaw il-kampanja ‘Help us Help others’, li sa tmiem din is-sena se tinkludi żewġ inizjattivi ewlenin: xandira televiżiva ta’ 12-il siegħa li se ssir nhar il-Ħadd, 20 ta’ Settembru 2020 bil-għan li jinġabru fondi għal The Malta Community Chest Fund Foundation (l-MCCFF) u inizjattiva biex, fuq bażi volontarja, impjegati jagħtu parti żgħira mill-paga tagħhom b’risq l-istess fondazzjoni.

Fi kliem il-President George Vella, ix-xandira ta’ ġbir ta’ fondi bl-isem ‘Għinuna Ngħinukom’, għandha sservi ta’ espressjoni ta’ solidarjetà mal-MCCFF u l-bosta benefiċjarji tagħha f’sena li xejn ma kienet faċli minħabba li attivitajiet tal-ġbir tal-fondi kellhom jitħassru jew isiru fuq skala iżgħar minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan kellu impatt sostanzjali fuq il-finanzi tal-Fondazzjoni. 

Il-President ta’ Malta fisser kif l-effettività tal-ħidma tal-MCCFF tiddependi ħafna fuq id-donazzjonijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin. Spjega li, b’mod ġenerali, jingħataw għajnuniet li b’kollox ilaħħqu mal-miljun ewro fix-xahar. Kien għalhekk li, biex tkun tista’ tibqa’ tgħin, il-Fondazzjoni varat il-kampanja ‘Help Us Help others’.

Il-President George Vella żied jgħid li dawn iż-żewġ inizjattivi huma parti minn eżerċizzju nazzjonali ta’ solidarjetà fejn kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu għall-benefiċċju tas-soċjetà.

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-MCCFF, is-Sinjura Marlene Mizzi, saħqet dwar l-importanza li l-poplu jibqa’ jkun ġeneruż għax, anke waqt il-pandemija tal-COVID-19, il-mard u tbatijiet oħrajn ma waqfux u t-talbiet għall-għajnuna komplew jiżdiedu. 

Share With: