Wara 10 ġimgħat ta’ tnaqqis … Il-qgħad issa taħt l-4,000 persuna

Minn Victor Vella

Wara d-diffikultajiet bl-eqqel tal-pandemija bejn Marzu u Ġunju, fl-aħħar għaxar ġimgħat il-qasam tal-impjiegi f’Malta u Għawdex reġa’ beda jirranka. Informazzjoni li għandha f’idejha l-gazzetta IT-TORĊA turi kif, bit-tnaqqis reġistrat minn Ġunju ‘l hawn, sa nofs Awwissu l-qgħad f’pajjiżna kien diġa naqas għal kważi 3,800 persuna.

Wieħed irid imur lura għal Lulju 1970 biex isib xahar li fih, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, kien hemm biss 3,800 persuna jirreġistraw. L-inqas livell li kien niżel fih il-qgħad bejn l-1998 u l-2012 kien 5,861 f’Ġunju tal-2008. Dan ifisser li dakinhar il-qgħad kien darba u nofs iktar mill-livell preżenti, minkejja li bħalissa pajjiżna milqut mill-akbar kriżi internazzjonali fl-istorja.

Mindu tħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mill-Prim Ministru Robert Abela, l-ammont ta’ nies qiegħda naqas bi kważi 600 persuna. B’hekk wieħed minn sebgħa minn dawk li kienu bla impjieg fil-bidu ta’ Ġunju sabu mpjieg fix-xahrejn u nofs ta’ wara. Bħala medja, fl-aħħar għaxar ġimgħat, kuljum tmien persuni qiegħda sabu impjieg mill-ġdid.

Dan ir-riżultat jikkonferma li l-attivita ekonomika bdiet tirpilja. Fil-fatt, din il-ġimgħa, anke l-Bank Ċentrali wera fl-aħħar aġġornament ekonomiku tiegħu li l-indiċi ta’ attivita ta’ negozju reġa beda jiżdied. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota wkoll li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku fost familji u negozji wkoll beda jirpilja. Kien hemm tnaqqis fil-pessimiżmu fost operaturi tal-manifattura u servizzi, filwaqt li s-sentiment fost azjendi tal-kostruzzjoni u konsumaturi diġa reġa qabeż il-medja storika.

L-istess rapport jikkonferma li 11,330 familja qed igawdu mill-moratorju fuq id-dejn, bl-imgħax u pagamenti dovuti fuq dejn ta’ kważi €621 miljun jiġu posposti. Dan qed ineħħi piż ta’ madwar €2 miljun fix-xahar minn fuq dawn il-familji, jew medja ta’ €160 fix-xahar. Ma dawn wieħed iżid kważi 2,500 negozju, li nofshom huma ħwienet, ristoranti u lukandi li qed igawdu minn postponiment ta’ ħlasijiet fuq djun ta’ kwazi €1.1 biljun, jiġifieri nifs ta’ xi €4 miljuni fix-xahar.

Barra minn hekk sa tmiem Ġunju, 255 kumpanija gawdew minn self garantit mill-Bank Malti għall-Iżvilupp, liema self laħħaq aktar minn €161 miljun. Minħabba li dan is-self huwa bla imgħax, dawn in-negozji ffrankaw mas-€6 miljun f’imgħaxijiet. Anke hawn l-aktar azjendi li gawdew kienu ħwienet, ristoranti u lukandi.

Share With: