“Warrant lill-ġurnalisti tista’ tintuża bħala sarima” – Professur Ġorġ Mallia

Miktub minn: MELVIN FARRUGIA

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Professur Ġorġ Mallia jemmen li n-natura essenzjali tal-ġurnalist hi l-abbiltà li jaħdem indipendentament mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, iħoss li warrant f’dan il-każ tista’ tintuża bħala sarima, għax jista’ jkun li tingħata biss lil min jagħmel dak li jaqbel lill-organu professjonali li jagħtihielu. 

Il-Professur Mallia qal dan b’reazzjoni għad-diskors tad-deputat Laburista Jean Claude Micallef li fil-Parlament qal li biex il-ġurnalisti jagħmlu xogħol ta’ kwalità, allura għandu jkollhom warrant jew liċenzja. Mallia qal li dawn il-warrants qatt m’għandhom jingħataw mill-Gvern peress li dan għandu dejjem ikun fil-mira tal-ġurnalisti li jgħarrxu l-ħidma tiegħu, biex jiżguraw lill-poplu li ma jkun qed isir xejn ħażin. 

Kompla jgħid ukoll li l-kunċett ta’ warrant jew liċenzja qatt m’għandu japplika għall-qasam ġurnalistiku, hekk kif ġurnalist qatt m’għandu jħoss li għandu xabla mdendla fuq rasu biex twaqqfu milli jagħmel dak li għandu jagħmel. 

Mistoqsi dwar drabi oħra meta kien diġà tqajjem dan il-punt, Ġorġ Mallia qal li fi Frar tal-2017 kien daħal f’kontroversja simili dwar klawsoli fil-White Paper għal-liġi ġdida tal-istampa. Saħaq li kienet ġiet suġġerita reġistrazzjoni ta’ websajts li jikkummentaw fuq jew ixandru l-aħbarijiet. 

Mallia spjega li hu kien insista li dan kien att despotiku u redikolu, li permezz tiegħu kien se jiġi kkontrollat min jikkummenta, anke fuq il-midja soċjali. Qal li d-diskussjoni kienet waħda twila, iżda eventwalment dawk il-klawsoli tneħħew jew ġew modifikati. Madankollu, qal li l-liġi kif kienet imfassla dak iż-żmien, imbagħad baqgħet fil-kexxun minħabba l-elezzjoni ġenerali.

Rigward għandux ikun hemm xi organu li jirregola lill-ġurnalisti u jservi biex jagħti direzzjoni lis-settur, Ġorġ Mallia qal li hu jemmen li l-ġurnalisti għandhom jiġu mħarrġa sew fil-qasam tagħhom. Saħaq li l-Università tipprovdi dan it-taħriġ bħala parti mill-Baċellerat fil-Komunikazzjoni u dak li jkun jista’ anke jispeċjalizza fil-ġurnaliżmu fuq livell ta’ Masters fil-Midja u l-Komunikazzjoni li hemm fid-Dipartiment li jmexxi hu. 

Semma wkoll li hemm grad fil-ġurnaliżmu li jingħata mill-MCAST. Qal li dawn huma kollha validi. Min-naħa l-oħra, hu qal li t-tagħlim teoretiku biss mhux biżżejjed u għalhekk il-ġurnalisti ta’ stoffa jridu wkoll jaħdmu fl-oqsma tal-aħbarijiet. Saħaq li hu jemmen li t-taħriġ u l-prattika għandhom imorru id f’id biex jitrawmu ġurnalisti ta’ stoffa li ma jkunux sempliċement reporters, imma jkunu jafu anke kif jindagaw fil-fond u jirrapportaw. 

Mallia qal li ma jemminx fir-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam minħabba fil-possibilità ċara ta’ abbuż. Qal li hawn pajjiżi li ħolqu organi professjonali minn fost il-ġurnalisti stess u daħħlu element qawwi ta’ self-regulation. Sostna li din mhix ħaġa ħażina u qal li f’pajjiżi bħall-Ghana, eżempju, din tidher li ħadmet. Madankollu, hu qal li ma jafx jekk din hix possibbli li ssir f’pajjiżna, minħabba ċ-ċokon tagħna u l-fatt li hemm wisq affiljazzjoni partiġġjana minn individwi. Qal li hu wisq jibża’ li dawn jistgħu jdardru r-reqqa li hi assolutament neċessarja f’kas bħal dan.

Il-midja bħala r-raba’ pilastru

Inewsmalta.com staqsa wkoll lill-Professur Mallia dwar dak li għandu jsir biex il-midja tkun verament ir-raba’ pilastru tad-demokrazija f’pajjiżna. Mallia qal li jemmen li diġà hi r-raba’ pilastru. 

Hu qal li jemmen li l-poplu għandu jappoġġja lill-ġurnalisti tiegħu, anke jekk kultant iweġġgħuh għax hu partiġġjan. Tenna li l-ġurnalisti għandhom jitħarrġu sew, filwaqt li l-edukaturi għandhom iħarrġuhom kontinwament biex jitjieb il-prodott u jkun jirrifletti r-realtajiet soċjali, politiċi, ekonomiċi, li jkun għaddej minnu l-pajjiż u li jkun hemm fid-dinja. 

Mallia qal li jemmen li l-Gvern qatt m’għandu jindaħal fil-ġurnaliżmu u bl-ebda mod. Saħaq li għandu jkun il-poplu li jsostni s-sorsi tal-aħbarijiet vera tagħna, filwaqt li sostna li hi sfortunata li jkun hemm attakki partiġġjani fuq dawk li joqorbu wisq lejn veritajiet skomdi. Sostna li dawn qed iħallu effett negattiv ħafna. Mallia qal li l-ġurnalisti t-tajbin, dawk li jinvestigaw bla kulur politiku u għalkemm kulħadd għandu l-preġudizzji tiegħu, huma l-aħħar pilastru tad-demokrazija. Sostna li jekk nipprovaw nikkontrollawhom jew b’xi mod inġegħluhom jikkrollaw jew inaqqsu mid-doża tal-kritika minħabba f’impożizzjoni minn xi ħadd (għażla lil min jingħata r-reklamar, SLAPP, eċċ), allura nkunu tlifna l-aħħar tarka kontra l-korruzzjoni u t-tirannija.

Share With: