Waterpolo: Exiles fil-Premier u Valletta fl-Ewwel Diviżjoni

Ritratt: Dominic Borg

Exiles………….7

Valletta……….5

(0-1, 1-2, 2-1, 4-1)

Fil-partita tant mistennija li kellha tiddetermina min se jkun qed jilgħab fil-Kampjonat Premier u min f’dak tal-Ewwel Diviżjoni, kienu Exiles li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-5 kontra Valletta.

Dan jista’ jitqies bħala riżultat sodisfaċenti għal Exiles u daqstant ieħor diżappuntanti għall-Beltin hekk kif fil-bidu ta’ dan l-istaġun kellhom l-aspirazzjoni li jikkompetu mat-timijiet elite speċjalment bl-akkwist tat-tliet players veterani u mimlija esperjenza, Niki Lanzon, Michele Stellini u Edward Aquilina.

Iżda, sfortunatament l-affarijiet għalihom ma marrux kif xtaqu. Detrimentali għalihom kienet l-aħħar sessjoni fejn krollaw għal kollox u tilfuha b’distakk ta’ tliet goals.

L-aqwa skorers għal Exiles kienu Philip Paris u Timmy Sullivan b’żewġ goals kull wieħed waqt li għall-Beltin,  Niki Lanzon, ukoll irreġistra doppjetta.

Valletta rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor minimu ta’ 1-0 bl-uniku goals jasal minn Ryan Mock.

Huma rebħu wkoll it-tieni sessjoni din id-darba b’punteġġ ta’ 2-1, b’żewġ goals ta’ Niki Lanzon filwaqt li Exiles wieġbu minn Sean Xerri De Caro.

Iżda dawn tal-aħħar wettqu reazzjoni fit-tielet sessjoni u rebħuha 2-1, b’Mark Fenech u l-captain Timmy Sullivan isibu x-xibka għalihom waqt li Edward Aquilina wieġeb għal Valletta.

Fl-aħħar sessjoni, Exiles, komplew għaddejjin bl-istess ritmu hekk kif ħarġu rebbieħa 4-1 b’Valletta dehru ferm għajjenin, mingħajr ideat u traskurati fl-impostazzjoni tattika tagħhom.

Għal Exiles skorjaw  Philip Paris (2), biż-żewġ goals  jaslu minn man-up, bit-tkeċċijiet ta’  Daniel Paolella u Edward Aquilina, Kurt Griscti, u Timmy Sullivan ukoll minn man-up wara li tkeċċa Andrea Bianchi.

Min-naħa tiegħu, Michele Stellini skorja l-uniku goal għall-Beltin u b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.

Exiles: 1-Matthew Castillo, 2-Jake Bajada, 3-Andrew Magri, 4-Philip Paris (2), 5-Timmy Sullivan (2), 6-Sean Xerri de Caro (1), 7-Mark Fenech (1), 8-Kurt Griscti (1), 9-Nicky Paris, 10-Aurelien Cousin, 11-Simon Apap, 12-Isaac Schembri – Coach: Igor Vukanovic

Valletta: 1-Ryan Sciortino, 2-Peter Borg, 3-Edward Aquilina (1), 4-Michele Stellini (1), 5- Andrea Agius, 6-Ryan Mock (1), 7-Daniel Paolella, 8-Andrea Bianchi, 9-Nicholas Farrugia, 10-Miguel Zammit, 11-Keith Galea, 12-Niki Lanzon (2), 13-Thomas Micallef – Coach: Srdjan Lazaredit

Referees: Stefano Pinato, Mario Dalli

Share With: