Waterpolo: Neptunes jumiljaw lil Sliema

Ritratt: Dominic Borg

Neptunes …. 14

Sliema ………… 4

(4-0, 4-1, 2-2, 4-1)

Normalment, il-konfront bejn ir-rivali eterni Neptunes u Sliema dejjem jirriżulta f’wieħed bilanċjat u akkanit, iżda dak il-konfront kien eċċezzjoni hekk kif Neptunes bħal donnhom kellhom sessjoni ta’ taħriġ meta umiljaw lis-Slimiżi bl-iskor ta’ 14-4.

Neptunes kellhom wirja perfetta waqt li b’kuntrast għal dan, Sliema kellhom wirja diżastruża, b’dan ir-riżultat ikun fost l-agħar qatt reġistrat għalihom kontra t-team mill-Balluta f’dawn l-aħħar snin.

Għal Neptunes l-aqwa skorer kien is-solitu Stevie Camilleri b’erba’ goals filwaqt li għal Sliema, il-captain Mark Meli u Michael Spiteri Staines irreġistraw doppjetta personali. 

Neptunes urew li kienu fl-aqwa forma possibbli meta fl-ewwel sessjoni ħarġu ferm aggressivi u skorjaw erba’ goals mingħajr risposta bil-goals  jaslu minn Jordan Camilleri, ħuh Stevie u Jake Muscat (2).

Fit-tieni sessjoni, Neptunes komplew jiddominaw u rebħuha bilpunteġġ ta’ 4-1, bl-awturi tal-goals ikunu Gabriel Pace minn man-up wara li tkeċċa Jerme Gabarretta, Nikolai Zammit (2) u Jake Muscat. Min-naħa l-oħra Michael Spiteri Staines permezz ta’ lob perfett skorja l-uniku goal għas-Slimiżi.

Konxji li r-rebħa kienet diġá aċċertata, fit-tielet sessjoni Neptunes naqqsu r-ritmu u fil-fatt sfaw miżmuma fi draw ta’ 2-2. Għal Neptunes skorjaw Nikolai Zammit minn sitwazzjoni ta’ raġel iktar wara li tkeċca Nicholas Bugelli, u Stevie Camilleri,  

Min-naħa l-oħra, għat-team immexxi mill-coach Sergio Afric, wieġbu l-captain Mark Meli minn man-up wara li tkeċċa l-goalkeeper Alan Borg Cole, u Michael Spiteri Staines minn penalty. Ta’ nota huwa l-fatt li lejn nofs din is-sessjoni tkeċċa għal Neptunes, Jeremy Abela, permezz ta’ karta ħamra diretta wara xi rimarki li għadda fil-konfront taż-żewġ referees.

Fl-aħħar sessjoni, Neptunes komplew jixxalaw hekk kif skorjaw erba’ goals kontra l-wieħed ta’ Sliema … permezz ta’ Stevie Camilleri (2), James Spiteri Staines u Sam Gialanze filwaqt li l-uniku goal għal Sliema wasal minn Mark Meli minn man-up wara li tkeċċa Jake Muscat.

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat (3), 3-Leandros Calleja, 4-Gabriel Pace (1), 5-Sebi Busuttil, 6-James Spiteri Staines (1), 7-Stevie Camilleri (4), 8-Jordan Camilleri (1), 9-Jeremy Abela, 10-Nikolai Zammit (3), 11-Alec Fenech, 12-Sam Gialanze (1), 13-Benji Busuttil, 14-Mark Castillo Coach: Jovan Popovic

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta, 3-Liam Galea, 4-Jacob Sciberras, 5-Mark Meli (2), 6-Benji Cachia, 7-Michael Spiteri Staines (2), 8-Jake Cutajar, 9-John Brownrigg, 10-Jamie Gambin, 11-Zach Mizzi, 12-Nicholas Bugelli, 13-Cain Cutajar Coach: Sergio Afric

Referees: Peter Balzan, Mario Dalli

Share With: