Waterpolo: Marsaxlokk jikkonvinċu u jegħlbu lil Otters

Ritratt: Dominic Borg

Otters ……………….. 6

Marsaxlokk ………. 10

(1-3, 0-2, 1-2, 4-3)

Marsaxlokk bdew it-tieni fażi fuq nota pożittiva meta kkonvinċew u għelbu lill-Għawdxin ta’ Otters bl-iskor ta’ 10-6, bir-reazzjoni ta’ Otters tasal tard wisq hekk kif rebħu l-aħħar sessjoni.

Timmy Agius għal Marsaxlokk u Dominique Zahra għal Otters kienu l-aqwa skorers tat-team tagħhom bi tliet goals kull wieħed.

Ix-Xlukkajri ħarġu aggressivi u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-1 bil-goals jaslu minn Matteo Martellacci, Stephen Micallef minn man-up wara li tkeċċa Luke Gialanze, u Timmy Agius ukoll minn sitwazzjoni ta’ raġel iktar wara li tkeċċa Karl Scicluna.  Dominique Zahra skorja l-uniku goal għal Otters.

Marsaxlokk rebħu wkoll it-tieni sessjoni, ukoll b’differenza ta’ żewġ goals, iżda din id-darba b’punteġġ ta’ 2-0. L-iskorers kienu Benji Lanzon (2) bit-tieni goal jasal wara li tkeċċa Dominique Zahra.

It-team min-nofs in-nhar ta’ Malta immexxi mill-coach Joe Cremona ttrijonfa wkoll fit-tielet sessjoni, b’marġni ta’ goal għal skor ta’ 2-1. Matteo Martellacci u Stephen Micallef niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers filwaqt li Dominique Zahra skorja l-goal waħdani għal Otters.

Ir-reazzjoni tal-Għawdxin waslet tard hekk kif rebħu r-raba’ sessjoni 4-3.

Għalihom irnexxielhom isibu x-xibka Luke Gialanze minn man-up wara li tkeċċa Luke Saliba, Dominique  Zahra, Edward Meli u l-veteran Claudio Spiteri Debarro wara tkeċċa l-goalkeeper Ryan Coleiro.

Imbagaħd għal Marsaxlokk skorjaw Timmy Agius, Kyle Cremona minn man-up wara li tkeċċa Dominique Zahra, u Timmy Agius.

Otters: 1-Matthew Xerri, 2-Claudio Spiteri Debarro (1), 3-Russell Caruana, 4-Marc Lanzon, 5-Edward Meli (1), 6-Luke Gialanze (1), 7-Karl Scicluna, 8-Gabriel Mizzi, 9-Daniel Dimech, 10-Dominique Zahra (3), 11-Daniel Tully, 12-Stefan Xerri, 13-Daniel Spiteri Coach: Dean Camilleri

Marsaxlokk: 1-Ryan Coleiro, 2-Julian Rizzo Naudi, 3-Matteo Martellacci (2), 4-Michael Cordina, 5-Timothy Agius (3), 6-Benji Lanzon, 7-Joseph Galea, 8-Kyle Cremona (1), 9-Stephen Micallef (2), 10-Matthew Pace (1), 11-Matteo Cacici (1), 12-0tis Zammit Coach: Joe Cremona

Referees: Aldo Rovandi, Peter Balzan

Share With: