Willian viċin li jingħaqad ma’ Arsenal

Il-winger internazzjonali Brażiljan Willian mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Arsenal fejn se jkun qed jirċievi salarju ta’ £100,000 fil-ġimgħa.

Fil-veritá l-istess Willian kien qed jissemma’ li jista’ jġedded il-kuntratt mal-club oriġinali tiegħu Chelsea iżda wara li kien hemm nuqqas ta’ qbil fuq ċerti affarijiet, hu ddeċieda li jmur mal-club l-ieħor minn Londra. Jidher li l-player Brażiljan xtaq kuntratt ta’ tliet snin filwaqt li l-Blues setgħu joffrulu biss sentejn.

Il-coach ta’ Chelsea, Frank Lampard, deher ferm diżappuntat b’din l-aħbar meta kien qed jittama li l-player tiegħu jġedded għal aktar żmien wara li kien ilu magħhom sa mis-sena 2013. Madankollu l-Gunners marru mill-ewwel fuq l-attakk u filwaqt li offrewlu kuntratt attraenti, irnexxielhom jikkonvinċuh sabiex jingħaqad magħhom. Lampard deher kritiku fuq id-diriġenti tiegħu li tawlu ħafna ż-żmien sabiex jikkonvinċuh ikompli l-avventura tiegħu fi Stamford Bridge

B’kuntrast, il-coach ta’ Arsenal Mikel Arteta deher ferm kuntent b’dan “l-akkwist” siewi li se jservih sew għall-pjan tattiku tiegħu partikolarment fuq il-linja.

Sadanittant, jekk kollox imur skond kif skedat rapporti qed jgħidu li Willian se jkun ippreżentat bħala player ta’ Arsenal lejn l-aħħar tax-xahar. Fl-istess waqt permezz tal-aġent Kia Joorabchian, sar magħruf li anke Everton xtaqu jiksbu s-servizzi tiegħu.

Ma’ Chelsea Willian rebaħ żewġ kampjonati, edizzjoni tal-FA Cup u l-EFL Cup kif ukoll darba l-UEFA Europa League.

Ironikament Chelsea lagħbu fil-finali tal-FA Cup kontra Arsenal is-Sibt li għadda u kienu dawn tal-aħħar li rebħu din l-edizzjoni għall-14-il darba. Willian ma setax jilgħab din il-partita mal-Blues minħabba li kien imweġġa’.

Din l-aħbar waslet ftit sigħat biss wara li l-Gunners ħabbru li neħħew 55 membru tal-istaff tagħhom minħabba problemi finanzjarji. Din id-deċiżjoni kienet ikkritikata bl-aħrax minn diversi kritiċi tal-football Ingliż u jikkuntrasta bil-qawwi mas-salarju attraenti li offrew lil Willian.

Willian ingħaqad ma’ Chelsea fl-2013 fejn lagħab 234 partita u skorja 37 goal.

Share With: