“Xogħol il-Knisja huwa li ssir taf sew lill-bniedem” – L-Isqof Theuma

Ix-xogħol tal-Knisja llum il-ġurnata skont l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex, Dun Anton Theuma, huwa li tkun taf sew lill-bniedem u għalhekk l-istudju tax-xjenza umana huwa kruċjali għall-futur tagħha. F’intervista ma’ inewsmalta l-Isqof Theuma saħaq li hemm bżonn insiru nafu aktar lil Alla, nitgħallmu nħobbu lill-bniedem kif inhu, nilqgħu lill-immigranti u li l-Knisja, jekk verament trid tagħti servizz, trid timxi bil-mod kif mexa Ġesù. Il-missjoni tiegħu hija li jkompli bix-xogħol tal-episkopat u għat-tisħiħ tal-familja, in-nukleju soċjali tant importanti għas-soċjetà tagħna.

Qatt stennejt li xi darba tokkupa din il-kariga? Għala?

Inkun qiegħed nigdeb jekk ngħid li qatt ma ħsibt fiha għax fl-aħħar snin tiegħi bħala Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex kont tlabt lill-Isqof Cauchi biex nieqaf u jagħtini missjoni oħra. Kien qalli biex nistenna sakemm jieqaf huwa, għax kien wasal biex jirtira. Wara r-riżenja tiegħu beda l-proċess għall-ħatra ta’ isqof ġdid u b’sorpriża kienu semmew ismi ma’ dak tal-Isqof Mario Grech. 

Laħaq Mario Grech fejn flimkien ħdimna ħafna. Għandi rispett kbir lejh u għandna relazzjoni verament sabiħa. Mal-Isqof Mario dejjem kont hawn bħala Rettur naħdem għall-familji. Wara li l-Isqof Mario ssejjaħ b’unur mill-Papa biex iservi bħala Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma, intgħażilt jien. 

Għalija x-xogħol tal-Knisja huwa li ssir taf sew lill-bniedem għax ma tistax tispara fl-arju. Għalhekk inħoss li l-istudju tax-xjenzi umani huwa fundamentali b’mod speċjali għall-Knisja. Inħoss ukoll il-bżonn li aħna, bħala membri tal-Knisja, inkunu nafu sewwa lil Alla u li nwasslu l-messaġġ tal-Iskrittura aħjar. 

Hemm bżonn li nifhmu lill-bniedem u nħobbuh kif inhu, jiġifieri bil-problemi u d-diffikultajiet tiegħu. L-Iskrittura tippreżentalna lil Alla li jħobb lil bniedem kif inhu – mgħawweġ, marid, maħmuġ. Ħabbu hekk Alla lill-bniedem u aħna rridu nagħmlu servizz ta’ veru billi ntawwlu ftit dawn l-idejn tal-ħniena t’Alla u nimxu b’dan il-mod. 

X’inhi l-aktar ħaġa li tixtieq tikseb fir-rwol ġdid tiegħek?

Ħaġa sempliċi u waħda. Nixtieq li permezz tagħna s-saċerdoti, tal-kleri u persuni oħra li diġà daqu ftit lil Ġesù, aktar nies ikunu kuntenti għax iltaqgħu ma’ Ġesù. Kulħadd għandu l-viżjoni, l-esperjenza u l-pożizzjoni tiegħu kif jara lil Ġesù, kemm jekk Ġesù huwa dak li jikkastiga, li jfejjaq, li jgħin jew personaġġ li sema’ bih xi darba, imma Huwa biss ħrafa.

Imma li nixtieq jien huwa li lil dan Ġesù jsiru jafuH aktar nies għax naħseb li jkun jaqbillek aktar li tkun taf lil Ġesù. Almenu din hija l-esperjenza tiegħi. Meta wieħed isib lil Ġesù naħseb li jħossu aktar persuna, aktar uman. Il-bniedem dejjem jgħaddi minn xi mumenti iebsin, imma li wieħed ikun kapaċi jgħaddi minn dawn il-mumenti mingħajr ma jaqta’ qalbu u jara xaqq ta’ dawl x’imkien, din hija xi ħaġa kbira. Jien għalja dan huwa Ġesù. B’xi mod, meta se tiltaqa’ miegĦu, se jagħtik it-tama. 

Dan mhux kemm tfaqqa’ subgħajk u tiltaqa’ miegħu jew ta’ darba. Hemm bżonn li tinbena relazzjoni bit-tlugħ u l-inżul tagħha bħal kull relazzjoni oħra. Hemm linji prinċipali u regoli bħalma hemm f’kull ħaġa oħra. Tmur quddies u tisma’ l-Kelma t’Alla biex iżomm ir-relazzjoni bħal meta żżomm saħħa fiżika tajba bi stil ta’ ħajja sana. Ma tistax tgħid li għandek relazzjoni tajba jekk ma tibnix fuqha. Jekk persuna ma tiltaqax magħha, tista’ tibni relazzjoni? Din hija l-problema tal-lum il-ġurnata bil-midja soċjali. Nidħlu f’relazzjonijiet fittizzji u fantastiċi li jeżistu biss fil-moħħ permezz ta’ chats u mingħajr m’hemm kuntatt fiżiku. Mhux qiegħed ngħid li huma ħżiena, iżda, limitati.

Għal min huwa ‘l ġewwa aktar, jifhem li l-quddiesa tal-Ħadd hija importanti għax hija festa kbira. Fi tmiem ħajti mhux se nkun taħt erba’ xorok jew maħruq x’imkien u daqshekk. Proprju din tagħmel id-differenza kollha. Naraw il-perspettiva u kemm hija importanti l-mira u mhux it-tmiem biss. 

Jekk ħajti hija kollha hawn u l-kejk huwa kollu hawn, se naħtaf. Imma jekk naf li l-kejk mhuwiex hawn biss, anzi l-aħjar ikun wara, il-ħajja hawnhekk ma tkunx infern bħalma hija minħabba li nibżgħu minn xulxin. Din is-sitwazzjoni delikata tal-Covid-19 għenet biex napprezzaw, nifhmu u nibżgħu għal xulxin.

Taħseb li r-rwol ta’ Isqof ta’ gzira żgħira bħal Għawdex jista’ jagħmel tibdiliet jew jinfluwenza b’mod effettiv lil dik f’Malta?

Billi qegħdin f’sistema, irridu u ma rridux xi ftit ta’ bidla se jkun hemm. M’għandi ebda pretensjoni li nbiddel xi ħaġa, lanqas f’Għawdex. L-intenzjoni tiegħi hija li naraw Dak t’hemm fuq x’jixtieq, naraw x’inhu l-aħjar u flimkien naħdmu għal dak il-għan. Ix-xogħol tiegħi huwa li nikkordina ftit u mhux li nikkmanda jew nordna. Niddjalogaw u nisimgħu lil xulxin. Imbagħad ikun hemm mumenti fejn ikun hemm bżonn niddixxerja għax dan huwa r-rwol prinċipali tiegħi. Rwol antipatiku fejn, meta ma jkunx hemm qbil, nidħol jien.

Waħda mill-isbaħ esperjenzi, hija l-ħidma kollaborativa li dejjem kelli mal-lajċi għall-preparazzjonijiet taż-żwieġ. Ta’ kull ġimgħatejn niltaqgħu grupp ta’ 80 biex nippreparaw is-sessjonijiet u wara mmorru fil-parroċċi biex nagħmlu l-laqgħat ta’ preparazzjoni mal-għarajjes. Din l-esperjenza mal-lajċi, li huma rġiel u nisa normali, nixtieq li mhux biss tibqa’, imma li nkabbarha. 

Naħseb li biex il-Knisja tkun awtentika ma tistax taħdem biss bir-reliġjużi, iżda jingħaqdu magħna persuni “normali”. Għalija din tgħinni biex inżomm saqajha mal-art għax, mhux biss jien inbiddel lilek, iżda anke inti tbiddel lili. Barra minnhekk ħaġa bħal din hija ta’ valur kbir għax joħorġu ħafna ideat. 

Taħseb li mara għandha jkollha rwol aktar importanti u attiv fil-Knisja?

U żgur! Il-messaġġ tal-Papa preżenti huwa ċar. Fil-fatt huwa ħatar madwar seba’ nisa f’postijiet ta’ awtorità fl-amministrazzjoni tal-Vatikan. Fil-kuntest ekkleżjastiku din hija xi ħaġa ġdida imma jien lura fl-1996 bħala Rettur kont daħħalt għall-ewwel darba mara tiekol magħna fis-seminarju u wara dan komplejt ninvolvi aktar nisa f’attivitajiet tal-Knisja. 

Qatt ma kelli diffikultà u personalment inħoss li Malta u Għawdex għad baqalna ħafna x’naħdmu fuq din il-kwistjoni. Mhux biss bħala Knisja, imma anke bħala soċjetà. Waqt il-counselling tal-koppji, sfortunament nara kif ċertu rġiel jittrattaw lin-nisa tagħhom. Tidher kerha l-Knisja, imma naħseb li din hija frott tas-soċjetà li ngħixu fiha. 

Jiena nħoss li ż-żewġ sessi huma tal-istess valur, imma huma differenti u hemmhekk huwa s-sabiħ. Iż-żewġ sessi għandhom il-karatteristiċi tagħhom u din hija xi ħaġa fenomenali. Sfortunatament illum il-ġurnata qiegħed jiġri li qishom ir-rwoli nqelbu, fejn mara saret ir-raġel u l-irġiel saru nisa. Tradizzjonalment għandek ir-raġel li huwa l-spalla, li jipproteġi u li jipprovdi, mentri l-mara hija twajba, ħelwa, b’kapaċità emotiva. Jien inkun kuntent li d-differenza tibqa’ aktar milli kieku tiġi omonogata. Naħseb jekk il-mara titlef il-ħlewwa tagħha, is-soċjetà u anke r-raġel jitilfu.    

Dwar il-quddies u l-qrar li nista’ ngħid huwa dak li taħseb il-Knisja u m’inix f’pożizzjoni li niġġudika kif imexxi jew jara l-affarijiet il-Papa. S’issa tal-idea, pjuttost patrijarka, hija li l-mara tista’ tagħti servizz mod ieħor. Għalissa dan is-servizz għadu riservat għall-irġiel, però dan ma jfissirx li n-nisa m’għandhomx mod kif iservu lill-Knisja. 

X’taħseb dwar problemi soċjali fosthom id-droga, is-separazzjonijiet u l-immigranti?

Id-droga hija problema kbira u l-agħar huwa li aċċettajnieha bħala parti mill-ħajja. Inħossni li kemm aħna bħala Knisja u kemm bħala soċjetà, ċedejna quddiem id-droga. Mhux talli ċedejna biss, talli għidna li din tagħmel parti mill-ħajja u ma jimpurtax tant li qisu kultant ngħalqu ftit għajnejna. B’dispjaċir ngħid li d-droga saret qisha marda kronika. 

Nemmen li s-soluzzjoni għad-droga huma r-relazzjonijiet sani li jibdew bil-familja. Ħaġa oħra li nixtieq għall-Knisja tagħna hija li nkomplu l-proċess tal-formazzjoni. Il-ħajja diġà hija miraklu Tiegħu u x’se nikmanda minn ġismi? Kif se jkabbarni u jgħinni fil-ħajja?

Dwar l-immigranti, nifhem li hemm problemi prattiċi u nifhem id-diffikultà mhux biss tal-istat, imma anki tal-poplu, però l-qalb tagħna trid tkun dejjem miftuħa. Dejjem tiġini f’moħħi l-istorja ta’ San Pawl. Kieku missirijietna ma laqgħux lil Pawlu, almenu jien u l-Insara l-oħra, inkunu tlifna xi ħaġa kbira.

Iva ngħinuhom f’pajjiżhom, imma jekk dan qiegħed f’nofs ta’ baħar se toqgħod tistaqsi għala telaq minn pajjiżu? Dak ir-raġel f’nofs ta’ baħar jista’ jkun missierek. Jien missieri hekk kien u din aħna ninsewha. Missirijietna li emigraw kienu bħalhom u l-Awstralja lill-missirijietna hekk kienu jarawhom tant li kienu jsejħulna “wogs”. Imlaqqmin għax barranin, nies differenti u mhux bħalhom. Irrid noqogħdu attenti li jkollna qalbna u jdejna miftuħa għal kulħadd u mhux ngħidulu, ‘isma ħi, m’għandix wisgħa għalik’. Mhux sewwa hekk. Irridu nieħdu ħsieb li jkun hemm l-integrazzjoni fejn jiena ngħinek, imma inti trid tgħin ruħek biex isir parti mill-poplu. Tħobb lil dak li jkun ta’ li huwa. 

Dwar is-serparazzjonjiet hemm il-problema kbira tax-xiri tal-proprjetà b’self kbir mill-banek. Illum għandna sitwazzjoni fejn l-adoloxxenza, naħseb jiena, qiegħda titwal ħafna. Fi żmieni konna nikbru malajr fejn ta’ 18-il sena wieħed kellu jara x’se jagħmel b’ħajtu. Illum issib nies li qabżu t-30 sena u għadhom jistudjaw  fl-università u oħrajn ta’ 34 sena, bit-tfal, iżda għadhom ma ddeċidewx li jiżżewġu. 

Imma, meta koppja tħossha li ssodat kmieni u tiżżewweġ kmieni, hemm il-periklu li jinqalgħu problemi għax ikun hemm il-bidla għall-ħajja adulta u jgħidu li r-raġel jew il-mara inbidlu. Jien kważi kważi ma niddejjaqx li jintrabtu fiż-żwieġ tard u dan aktar mil-lat psikoloġiku milli reliġjuż. Meta jgħaġġlu biex jiżżewġu, ikunu għadhom kaxxa magħluqa għalihom infushom aħseb u ara kemm se jkun sewwa lin-naħa l-oħra. F’dawn iż-żwiġijiet hemm biss it-tama li dan il-miraklu jiffunzjona.

Hemm ukoll diversi livelli ta’ imħabba. Għalija l-isbaħ imħabba li tixraq tassew lill-bniedem u tagħmlu uman hija dik li tibqa’ għal dejjem u li jkollu t-tfal. Nibqa’ mbellah kif mill-persuna ta’ ħajti, wara 10 snin jibdew battalja fil-qorti, ġlied fuq ċuċati u jdaħħlu anke lit-tfal. Ngħid, almenu nfirdu minn xulxin b’imħabba ta’ rispett, l-aktar minħabba t-tfal. 

Kieku kellek tibdel xi ħaġa issa li inti Isqof t’Għawdex, xi tkun u għala?

Hawn ngħidlek aħjar tiġi 10 snin oħra u jekk inkun għadni hawn, ngħidlek x’biddilt u mhux x’se nbiddel.

Share With: