Ylenia Carabott tingħaqad ma’ Charleroi fil-Belġju

L-attakkanta internazzjonali Maltija, Ylenia Carabott, se tibda kapitlu ġdid fil-karriera tagħha meta se tmur tilgħab il-Belġju ma’ RCSC Charleroi.

Carabott kellha diversi offerti minn clubs Taljani, Griegi u Ċiprijotti. Hi kellha wkoll iċ-ċans li tagħżel li tmur tilgħab fl-Ingilterra ma’ Portsmouth iżda fl-aħħar mumenti ppreferiet tmur tilgħab fil-Belġju.

Il-player ta’ 31 sena se tingħaqad mal-iskwadra l-ġdid  nhar it-Tlieta għal training camp bħala preparazzjoni għall-kampjonat li se jibda fit-28 ta’ dan ix-xahar, bl-ewwel partita tkun kontra Gent.

Charleroi, magħrufa bħala ż-Zebras, huma mmexxija mill-president Mehdi Bayat. Huma bdew il-pjani tagħhom li jgħaqqdu team tan-nisa grazzi għall-akkademja li waqqfu. It-team huwa mmexxi mill-coach, Philippe Venturoso, u jinkludi żewġ plejers ta’ kalibru fl-iskwadra bħalma huma l-player internazzjonali Iranjana Yasaman Farmani u s-Slovakka Ludmila Matavkova.

Carabott se tkun it-tieni player Maltija li se tilgħab fil-kampjonat Belġjan wara li fl-istaġun 2017/18 Rachel Cuschieri kienet lagħbet ma’ Anderlecht, fejn kellha suċċess kbir meta skorjat sitt goals u tat il-kontribut tagħha għar-rebħ tal-kampjonat.

Ylenia Carabott se tkun qed tilgħab barra l-pajjiż għar-raba’ darba fil-karriera tagħha wara li kellha esperjenzi ma’ Chievo Fortitudo Women, fis-Serie B Taljana, u t-timijiet Svediżi ta’ Alby FF u Ange IF. L-istess player m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-qasam tal-football femminili lokali meta rebħet kull unur possibli. Hi spiċċat disa’ darbiet bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat filwaqt li fil-karriera tagħha libset il-flokkijiet ta’ Raiders, Hibernians u Birkirkara. B’kollox hija skorjat 328 goal f’245 dehra. 

Mat-team nazzjonali, hija lagħbet 83 partita u hi membru regolari mat-team nazzjonali immexxi mill-coach nazzjonali Mark Gatt.

Share With: