Żewġ kurrenti ma’ wiċċna

Bħalissa għaddejjin żewġ kurrenti madwar id-dinja – il-kurrent tal-coronavirus u l-kurrent tal-ambjent li sejjer lura.  Dawn huma żewġ kurrenti li ħafna min-nies mhux qed jagħtuhom importanza kbira.  

L-ewwel kurrent, dak tal-CODVIC-19, minkejja li diġa’ għaddejna mill-ewwel mewġa ftit xhur ilu, minkejja li nafu kemm hu perikoluż, qiesna drajnieh.  Peress li fl-ewwel mewġa ħadna prekawzjonijiet qawwija, ftit kienu dawk li ttieħdu.  Fattur ieħor kien li konna kważi ma nafu xejn dwar dan il-virus u bħal kull ħaġa oħra li ma nkunu nafu xejn dwarha, tbeżżana.  Hekk ġara.  Bżajna, u ħadna l-prekawzjonijiet kollha.  Meta l-mewġa tbaxxiet, ħadna r-ruħ u erġajna morna għall-ħajja li konna nafu qabel minkejja li ftit ġimgħat ilu konna qed nitkellmu fuq realta’ ġdida.  Ħafna abbandunaw kważi kull ħaġa li kienu jagħmlu biex jipproteġu ruħhom.  

Illum qed inħallsu għal din it-traskuraġni bin-numri akbar ta’ tteħid li qed naraw kuljum.  Erġajna bdejna noħorġu twissijiet.  Biss ftit kien hemm tibdil.  Nispera li l-multi jerġgħu jpoġġu r-realta’ fuq quddiem u nerġgħu nibdew nadattaw ruħna għar-realta’ l-ġdida.  Realta’ li mhix biss mhux ser tispiċċa għada, imma lanqas biss nafu meta.  Is-soluzzjoni hi li rridu naċċettaw din ir-realta’ ġdida bħala l-unika realta’ li hemm.  

Il-mewġa l-oħra ilna għaddejjin biha.  L-ewwel sinjali li kellna għaliex konna qed inħallu effetti ħżiena ħafna fuq l-ambjent kien meta ttendejna li konna qed nagħmlu ħsara fuq il-parti ta’ fuq tal-atmosfera li ddawwar id-dinja u li hi s-sors tal-arja li għandna bżonn biex ngħixu.  Ittieħdu xi passi, għalkemm dawn ittieħdu aktar mill-industrija milli min-nies.

Wara ttendejna li l-ħsara kienet aktar serja għaliex bdejna naraw it-temperatura tad-dinja tiela’ u bdejna naraw l-ewwel effetti. It-temp beda jinbidel.  F’ħafna postijiet nordiċi bdejna naraw temperaturi aktar għolja – temperaturi li qatt ma raw bħalhom.  Għaddew is-snin u bdejna naraw li f’dawn il-postijiet, it-temperaturi mhux biss laħqu lil tagħna, iżda kellhom perjodi ta’ sħana aktar minna.  Barra minhekk beda jkollhom maltempati kbar fejn l-ammont ta’ xita li qabel kienet tinżel f’xahar ġieli bdiet tinżel f’ġurnata.  U hemm beda l-għarar.

Aħna ma tantx ittendejna b’dan it-taqlib għaliex mhux l-ewwel darba li kellna ‘heat wave’.  L-istess mhux l-ewwel darba li bdiet tinżel ammont ta’ xita qawwija f’daqqa speċjalment wara perjodi ta’ nixfa. 

Illum in-nies bdew jittendew għaliex qed ikollna aktar sħana fuq tul ta’ żmien akbar.  

Biss ftit jifhmu li s-sitwazzjoni ser tkompli tiggrava u li dan ser ikollu effett fuqna lkoll.  

Is-sitwazzjoni hi simili tal-COVID-19.  Jekk kulħadd jagħti sehmu, nistgħu  nnaqqsu l-mixja.  L-istess jiġri fl’ambjent u innaqsu iċ-ċansijiet lejn diżastru naturali.  Hemm min jgħidlek li għada naraw.  Għalfejn nikkonfondu u nħabblu rasna fuq is-sitwazzjoni.  Oħrajn, bħal Trump, lanqas jemmnu li dan it-tibdil fl-ambjent ġibnih aħna stess.  

X’inhi l-akbar problema?  L-istess bħal ta’ COVID-19.  Hemm realta’ ġdida li rridu naċċettawha.  

Waħda mill-akbar problemi li għandna hi l-ammont ta’ karbonju li qed nitfgħu fl-arja minħabba l-użu tal-enerġija.  

Waħda mill-problemi li qed tikkaqża dan, nemmen li nistgħu nsolvuha mingħajr tibdil tad-drawwiet tagħna.  Il- problema hi li d-djar tagħna mhux effiċjenti.  Minħabba li l-klima Maltija s’issa kienet waħda moderata – la sħana u lanqas kesħa esaġerata – id-djar tagħna mhux mgħammra tajjeb biex inserrħu moħħna li s-sħana la qed toħroġ fix-xitwa u lanqas tidħol fis-sajf.  

Fil-fatt aktar ma qed jgħaddi ż-żmien u t-temperaturi tal-arja aktar qed jitilgħu l’fuq u aktar jinżlu ‘l isfel, aktar qed ikollna nużaw enerġija biex id-djar tagħna jkunu komdi biex ngħixu fihom.  Fis-sajf aktar qed nużaw air-conditioners biex inkessħu d-djar u fix-xitwa aktar użu ta’ air-conditioners biex insaħħnu d-djar.

Għalkemm ħadna xi passi fit-triq it-tajba, ħafna min-nies mhux konxji li jekk nirranġaw id-djar tagħna, din il-problema innaqsuha ħafna.  

Semmejt l-ewwel passi.  L-ewwel pass li sar kien li meta tinbigħ xi dar, irid ikun hemm ċertifikat tal-effiċjenza tad-dar mill-aspett tal-enerġija.  Għal ħafna biċċa karta żejda.  Għadni ma smajt lil ħadd li meta kien qed jinnegozja l-prezz, qies ukoll dan iċ-ċertifikat li jindika kemm ser jaħli enerġija fil-futur dak li jixtri d-dar.  

Dan iċ-ċertifikat hu tajjeb imma mhux biżżejjed.  Ħaġa li nemmen li għandha ssir, hi li l-Awtorita’ tirregola l-istandards tad-djar.  Hemm bżonn li jiddaħħlu standards ġodda biex id-djar li jkunu ser jinbnew ikunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija.   Dawn għandhom jiddaħħlu ftit ftit, biss fuq skeda biex nassiguraw li kull perjodu jiddaħħal standard ġdid.  

Faċli li ssir, biss biex naslu rridu nieħduha kontra n-natura tagħna l-Maltin – li nħallu kollox għall-aħħar bħal ma ġara fil-każ tal-pompi tal-petrol li kellhom snin twal biex itellgħu l-istandards tal-pompi tal-petrol.  Ħafna, għaliex ma kienx hemm skeda, ħallew kollox għall-aħħar u llum ma nafx kemm hemm pompi li huma magħluqa peress li qed jiġu rranġati fl-aħħar tal-perjodu ta’ snin sħaħ.

Il-Gvern għandu skema li biha l-inġiniera tal-Gvern jiġu d-dar biex jagħtuk parir biex tagħmel id-dar tiegħek aktar effiċjenti.  Skema tajba li ftit tintuża.

Problema oħra hi dik tal-ivvjaġġar.  Li mmorru postijiet oħra hi xi ħaġa bżonnjuża għall-bniedem.  Din trid tibqa’ ssir.  Biss biex nagħmlu dan hemm bżonn nibqgħu nużaw il-karozza tagħna? 

Nibdew fuq il-karozzi.  Il-karozzi huma bżonnjużi.  Biss irridu li l-karozzi jkollhom standards għolja biżżejjed biex ma’ jħamġux l-ambjent.  Bdejna, biss għadna ‘l bogħod.  Din id-darba mhux kollu tort tagħna peress li Malta ma nibnux karozzi u għalhekk l-istandards iridu jitilgħu barra minn Malta.  

Biss hemm x’isir.  Per eżempju, kulħadd jaf li l-karozzi li jaħdmu bid-diesel huma l-aktar li jħammġu.  S’issa għadna ma ħadna l-ebda pass biex dawn il-karozzi jinqatgħu minn Malta.  Hemm ħafna pajjiżi li diġa’ ddeċċidew is-sena li minna ma jkunux jistgħu joħorġu aktar karozzi ġodda li jaħdmu bid-diesel.  

F’Malta is-sitwazzjoni hi aktar ħażina għaliex għadhom jitħallew jiġu impurtati vetturi tax-xogħol li mhux tallu jaħdmu bid-diesel iżda li huma antikim u li jħammġu kullimkien.  Karozzi bħal dawn tarahom kullimkien – karozzi li jiġbru ż-żibel, trakkijiet tal-ġebel, trakkijiet li jġorru prodotti, magni li jintużaw fil-bini eċċ, eċċ.

Hemm problema oħra – dik li ma tantx nużaw it-trasport pubbliku.  Ħaġa li tara kuljum, kullimkien, hi li ħafna mill-karozzi privati kull ma jkollhom ġo fihom hu x-xufier.  Il-mistoqsija toħroġ waħedha.  Għaliex ħafna nies ma jużawx it-trasport pubbliku?  Illum il-karozzi tal-linja huma ħafna aħjar u aktar komdi milli kienu qabel.  Jien nara tliet raġunijiet – l-ewwel minħabba l-COVID-19, l-status soċjali u li ma tistax tiddependi fuq tal-linja biex tasal f’post f’ħin partikolari.

L-ewwel raġuni, illum, minkejja li l-każi tal-virus telgħu ‘l fuq sew, il-maġġoranza kbira tal-passiġġieri qed jilbsu l-maskra  Jien kont wieħed min dawk li kont nikkritika l-awtoritajiet li ma kienux għamlu piena għal min ma jilbes maskra.  Issa saret u nista’ ngħid li dawn l-aħħar ġranet kull meta tlajt fuq karozza tal-linja, il-passiġġieri kollha kellhom maskra.  Għalhekk, din il-problema qed insolvuha.  Biss hu diffiċli li tipperswadi n-nies li qatgħu milli jużaw tal-linja, għaliex xi ħadd li ma jarax b’għajnejh stess li il-prekawzjonijiet qed jittieħdu, jibqa’ f’dubju

It-tieni raġuni hi aktar diffiċċli speċjalment maż-żgħażagħ minħabba l-kultura tagħna.  Bħalas soċjeta’ illum daqs qabel, għadna naraw li karozza tagħtik status soċjali.

Biss l-akbar problema hi t-tielet raġuni.  Din nittrattha fl-artiklu li jmiss.

Share With: