Żewġ Libjani midrubin wara argument fil-Gżira

Żewġt irġiel Libjani ta’ 31 u 34 sena residenti l-Gżira, kellhom jittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kienu involuti f’argument fil-Gżira.

Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10:30 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Sir Frederick C. Ponsonby, Gżira, minħabba li kien hemm argument u xi persuni feruti.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li nqala’ argument bejn iż-żewġt irġiel u raġel, li l-identita’ tiegħu għadha mhux magħrufa. Iż-żewġt irġiel sfaw aggrediti b’oġġett bil-ponta u li jaqta’ u sofrew xi ġrieħi.

Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ tas-Sliema għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

Share With: