10 presepji magħżula biex jiġu esebiti ġewwa Washington DC

F’Lulju li għadda, id-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nieda kompetizzjoni għall-presepisti Maltin sabiex għaxar presepji jintbagħtu għall-wirja fil-Museum of the Bible li jinsab fil-belt ta’ Washington D.C.

Il-livell għoli tal-presepji mressqa għal din il-kompetizzjoni jixhed id-dedikazzjoni u ħila artiġjanali tal-presepisti Maltin u Għawdxin. Ġurija esperta għażlet il-presepji li għandhom jiġu mibgħuta Washington D.C. Dawn il-presepji joffru tematika varjata ħafna, b’xi wħud inkorporaw il-pajsaġġ Malti bħala parti mill-istruttura tal-presepju. Hemm presepisti li anke żejnu il-presepju tagħhom b’pasturi oriġinali.

Fil-ġranet li ġejjin ser jibda l-vjaġġ ta’ dawn il-presepji lejn Washington sabiex il-wirja tinfetaħ fil-Museum of the Bible fil-ġranet ta’ qabel it-tifkira Amerikana ta’ Thanksgiving li din is-sena tiġi mfakkra fis-26 ta’ Novembru. Il-presepji Maltin ser jibqgħu għall-wiri sa Marzu li ġej.  Dan il-mużew li nfetaħ f’Novembru 2017, joffri mal-1,150 esebit permanenti u mal-2,000 esebit ieħor mislufa li kollha jirrakkontaw in-narrattiva u l-impatt tal-Bibbja.

Il-Ministru José Herrera, filwaqt li awgura lill-presepisti li pparterċipaw, irringrazzja lill- Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti Keith Azzopardi li kien strumentali sabiex bdew il-kuntatti u din il-wirja ser tkun tista’ ssir f’wieħed mill-akbar mużewijiet ta’ Washington D.C.  Il-kuratur ewlieni tal-mużew Jeffrey Kloha, il-Prof. Mark V. Vlasic u Amy Botello qed jagħtu assistenza kbira lid-Direttorat tal-Kultura f’kull aspett organizzattiv u loġistiku.

Din ser tkun opportunità oħra kbira maħluqa mill-Ministeru sabiex artisti Maltin ikollhom l-opportunità li jesebixxu l-opri kreattivi tagħhom barra minn xtutna.  Barra minn hekk, din il-wirja tista’ sservi biex jiġi reklmat turiżmu reliġjuż f’suq importanti bħal dak Amerikan.

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jirringrazzja wkoll lill-Ambaxxata Amerikana f’Malta tal-għajnuna sabiex l-presepisti jistgħu jmorru Washington sabiex jarmaw il-presepji tagħhom u jattendu għall-inawgurazzjoni tal-wirja.

Share With: