254 talba għal kenn għax spiċċaw bla saqaf mindu bdiet il-pandemija

Minn Victor Vella

Mindu bdiet il-pandemija, waħda mill-effetti tagħha kienet dik li għadd ta’ persuni kemm Maltin kif ukoll barranin spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Ir-raġunijiet huma varji u fost dawn hemm tnaqqis fid-dħul ta’ dawn il-persuni u għalhekk id-diffikulta biex iħallsu l-kirjiet, li f’xi każi anke għolew.  Inewsmalta tinsab infurmata li mindu bdiet il-pandemija kien hemm xejn inqas minn 254 talba għal għajnuna minn persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Ta’ min jgħid li l-awtoritajiet fosthom l-aġenzija APPOĠĠ għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jgħinu lil dawn il-persuna.

F’kummenti li l-Aġenzija Appoġġ għadditilna intqal li “f’dawn l-aħħar xhur mindu faqqgħet il-pandemija, l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali kellha diversi talbiet għal kenn minn persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Fil-fatt kien hemm 254 talba għall-għajnuna, b’danakollu kienu 110 persuni li ngħataw kenn f’xi wieħed mix-xelters li l-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-FSWS għandhom ftehim magħhom biex jipprovdu dan is-servizz. Il-persuni l-oħrajn jew irrifjutaw li jidħlu fix-xelter jew sabu soluzzjoni alternattiva mal-qraba jew ħbieb taghħom.”

Dwar is-sitwazzjoni fix-xelters bħalissa, l-aġenzija qaltilna li “s-sitwazzjoni hi waħda stabbli fejn hemm koperazzjoni sħiħa bejn il-professjonisti tal-FSWS u dawk li jmexxu x-xelters. Fil-fatt hemm co-operation platform li jiltaqa’ minn żmien għal żmien biex jiddiskutu kif jitjieb is-servizz. Ittieħdu il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni biex ikun assigurat li ħadd min-nies li jidħol fix-xelters ma jkun qed ibati mill-Covid u biex dawn ix-xelters kemm l-impjegati tagħhom kif ukoll il-klijenti jibqgħu siguri.”

Meta mistoqsijin dwar il-miżuri li qed jieħdu biex jgħinu lil dawk bla saqaf, l-Aġenzija Appoġġ qaltilna li “l-FSWS u l-professjonisti tax-xelters qed jaħdmu flimkien fuq pjani ta’ kura individwali (individual care plan) għal kull persuna li qiegħda fix-xelters ħalli jkunu jistgħu isibu mpjieg stabbli u jkollhom biżżejjed dħul biex ikunu jistgħu almenu jikru fejn joqgħodu. L-għan hu li dawn il-persuni ma jeħlux fix-xelters imma jiksbu l-ħiliet biex jgħixu ħajja indipendenti.”

Share With: