45 każ ġdid ta’ Covid-19; Ħames każi fost immigranti f’ċentri ta’ detenzjoni

Minn 1,783 swab test li saru fuq medda ta’ 24 siegħa, kien hemm 45 każ ġdid ta’ persuni li ġew infettati bil-Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 32 persuna li kienu rapportati bħala li rkupraw mill-virus. Dan wassal biex in-numru ta’ każi attivi f’pajjiżna issa tela’ għal 676.

Intant filwaqt li l-każi tal-lum għadhom qed jiġu investigati, mill-każi rapportati lbieraħ kien hemm tmien każi li kienu reltati ma’ qraba li ġew f’kuntatt ma’ persuni oħrajn diġà infettati, żewġ każi li ġew f’kuntatt dirett ma’ każi oħrajn pożittivi, kien hemm każ ieħor mill-vluster ta’ Residenza San Ġużepp, erba’ każi ta’ tixrid fuq il-post tax-xogħol, u żewġ każi minn attivitajiet soċjali ma’ każi pożittivi oħrajn.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li matul dawn l-aħħar 24 siegħa kienu reġistrati ħames każi fost l-immigranti f’ċentri ta’ detenzjoni.

Intant aktar kmieni llum ġie kkonfermat li anzjan ta’ 98 sena huwa t-22 vittma li miet bil-Covid-19 f’pajjiżna sa mill-bidu tal-pandemija ’l hawn.

L-anzjan, li kellu kundizzjonijiet oħrajn ta’ saħħa, kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-6 ta’ Settembru meta ddaħħal l-Isptar Mater Dei, minn residenza tal-anzjani. Huwa baqa’ jingħata kura fl-Isptar Mater Dei, fejn miet aktar kmieni llum.

Share With: