46.3% taż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena favur l-abort

81.9% ma jaqblux li f’Malta jidħol l-abort

Minn Maria Azzopardi 

81.9% tal-persuni ma jaqblux li f’Malta jidħol l-abort, filwaqt li 18.1% huma favur. L-inqas distakk li ġie rreġistrat kien fost iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena. F’din il-faxxa, kważi nofshom wieġbu li huma favur l-abort (46.3%) filwaqt li 53.7% qalu li ma jaqblux li jidħol l-abort.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar minn Dott. Vincent Marmarà u li kien ikkummissjonat minn Dossier, li hija rivista ppubblikata mill-kumpanija Union Print.

L-istħarriġ juri li l-aktar nies li ma jablux mal-introduzzjoni tal-abort kienu dawk li għandhom bejn 56 u 65 sena, hekk kif 97.2% wieġbu le, segwiti minn dawk li għandhom aktar minn 66 sena b’96.4% li wieġbu le. Fost dawk li għandhom bejn is-26 u 35 sena, 26.5% huma favur l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna filwaqt li 73.5% huma kontra.

L-istħarriġ juri wkoll li d-distakk ta’ kif jaħsbuha n-nisa u l-irġiel huwa minimu; 17.9% tan-nisa wieġbu li huma favur l-introduzzjoni tal-abort filwaqt li 82.1% wieġbu le. Kważi fl-istess ilma wieġbu l-irġiel hekk kif 18.4% qalu li huma favur filwaqt li 81.6% wieġbu le. 

L-isħarriġ juri li 5% biss ta’ dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni primarja jaqblu mad-dħul tal-abort f’pajjiżna, filwaqt li l-ogħla rata ta’ dawk li huma favur kienet irreġistrata fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja fejn 35.6% wieġbu iva.

Nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru kien imfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Abort Sigur. Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn l-abort huwa illegali taħt kull ċirkostanza. Dan ifisser li n-nisa f’Malta jridu jsifru barra mill-pajjiż jekk jifilħu għall-ispejjeż jew ifittxu pilloli tal-abort online. Minħabba l-projbizzjoni totali tal-abort f’pajjiżna, dawk li jużaw dawn il-pilloli huma f’riskju li jingħataw tliet snin priġunerija.

Doctors for Choice Malta qalu li din is-sena l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa aġġornat il-gwida tagħha dwar l-abort biex tiddikjara li l-użu domestiku tal-pilloli għall-abort huwa ġeneralment sikur sa 12-il ġimgħa ta’ tqala, sakemm in-nisa jingħataw informazzjoni preċiża dwar kif jużaw il-pilloli u jistgħu jkollhom aċċess għall-faċilitajiet mediċi f’każ ta’ bżonn.

Lara Dimitrijevic, minn Women’s Rights Foundation, qalet li l-projbizzjoni totali ġenerali u miżuri restrittivi qed jaffettwaw id-drittijiet tan-nisa li jkollhom aċċess għall-abort. “Kemm jekk wieħed jaqbel mal-abort jew mod ieħor, irridu nirrikonoxxu li miżuri bħal dawn qed jagħmlu ħsara lin-nisa,” qalet Dimitrijevic.

Matul l-2020, 87 mara f’Malta talbet l-għajnuna mingħand Abortion Support Network (ASN) biex iwaqqfu t-tqala, żieda mill-figuri tas-sena ta’ qabel fejn kien hemm 75. 

Waqt ix-xhur tal-pandemija (Marzu – Lulju), meta l-ajruporti kienu magħluqa u l-ivvjaġġar kien pjuttost limitat, 62 mara talbet l-assistenza ta’ ASN.

Share With: