AĠĠORNAT: Jitressqu l-Qorti tliet ġuvintur arrestati b’rabta ma’ serq minn pompi

Tliet żgħażagħ, Daniel Vella ta’ 19-il sena, Richard Louis Vella ta’ 22 sena, u Maverick Vella ta’ 21 sena residenti Ħal Qormi, wieġbu ħatja għall-akkużi ta’ serq ta’ fjuwil minn pompi tal-petrol bejn Marzu u Ġunju 2020. 

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli l-Pulizija qalet kif f’Ġunju li għadda, daħal rapport fl-Għassa tal-Ħamrun li f’diversi ħinijiet differenti bejn l-1 u t-2 ta’ Ġunju, minn filmati miġbudin minn pompa tal-petrol li tinsab fi Triq Aldo Moro, persuna dehret timmanuvra b’mod suspettuż ma’ magna tal-fjuwil. Fil-filmat dehru wkoll persuni oħra jassituh u jieħdu l-fjuwil ukoll.

Il-Pulizija spjegat li bdiet tinvestiga l-filmat, u anke l-karozzi li dehru fih sakemm waslu għat-tliet imputati preżenti. Irriżulta wkoll li meta kienu qed jinvestigaw rapporti oħrajn li saru f’Marzu rigward pompa oħra li tinsab fiż-Żurrieq, l-istess persuna għamel l-istess manuvra.

L-Avukat Mifsud, fid-difiża tal-imputat Daniel Vella qalet, li huwa kkopera kompletament mal-Pulizija, u li kien lest li jħallas lura terz tal-piena. Il-Pulizija saħqet li meta tqis l-età tal-imputat, u anke l-fatt li ammetta mill-ewwel, qablu mat-talba tal-avukat difensur li jingħata l-piena minima.

Quddiem dan, il-Maġistrat Demicoli ordnat li Maverick Vella jitpoġġa taħt probation għal perjodu ta’ sentejn. Dan filwaqt li jħallas €150 fi żmien tliet xhur. Fil-konfront ta’ Daniel Vella, il-Qorti tat sentenza ta’ priġunerija sospiża, filwaqt li ordnatu jrodd lura l-flus f’perjodu ta’ sitt xhur.

Intant id-Difiża talbet li l-imputat Richard Louis Vella jingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal din it-talba. Id-Difiża talbet ukoll li l-Qorti tieħu inkonsiderazzjoni l-mezzi ekonomiċi limitati tal-imputat meta tordna li jkun hemm garanzija personali. Is-sentenza għal Richard Louis Vella se tkun qed tingħata minn Qorti Kriminali wara li jsir il-ġudizzju fuq numru ta’ imputazzjonijiet li għalihom l-akkużat ma weġibx ħati llum.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mario Sciberras u Wayne Camilleri, filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Martha Mifsud dehret għal Daniel Vella, bl-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għaż-żewġ imputati oħra.

Share With: